Aġġornata: Attakk fi Franza jħalli persuna mejta u diversi midruba

Wara sensiela ta' splużjonijiet żgħar qrib fabbrika fix-Xlokk ta' Franza, qrib Lyon, instab katavru ta' raġel mingħajr ras waqt li persuna ġiet arrestata.
Il-Pulizija Franċiża identifikat lill-katavru, li r-ras tiegħu kienet imqiegħda f'post li tinstab faċilment, bħala dak ta' negozjant mill-inħawi.
Arrestat lil dak li hu maħsub li attakka l-fabbrika, li kien qed iġorr bandiera Iżlamika u li pprova jsuq il-karozza tiegħu għal fuq tankijiet tal-gass. 
Skont il-President Franċiż Francois Hollande, li ħalla s-summit Ewropew b'urġenza, m'hemm ebda dubju li r-raġel ipprova jisplodi l-fabbrika. 
L-attakk, li seħħ għall-ħabta tal-10am, ħalla numru ta' persuni midruba. 
Iktar tard, il-Pulizija Franċiża arrestat raġel ieħor li hu maħsub li kien qed ikun qrib ħafna tal-fabbrika fl-aħħar jiem.
Dan kien l-ewwel attakk tal-lum, minn numru ta' attakki f'pajjiżi, il-parti l-kbira fil-Mediterran, matul il-jum tal-lum.
Franza wkoll tinsab fuq allert massimu wara l-attakki ta' Jannar li għadda li ħallew 17-il ruħ mejta.