Attakk Eġittu: Uħud mit-terroristi bbumbardjati mill-armata

Inqatlu wħud mit-terroristi li nhar il-Ġimgħa kienu l-moħħ wara l-aktar attakk qattiel fl-Eġittu mindu reġa’ kien hemm qawmien ta’ dan it-tip ta’ terroriżmu fl-2013.
Ilbiraħtlula 305 persuni nqatlu kiesaħ u biered xħin kienu qed jitolbu fil-moskea al-Rawda fil-villaġġ ta' Bir al-Abed fil-provinċja tas-Sinaj fit-Tramuntana tal-pajjiż, provinċja li sikwit tkun il-mira ta’ aggressjonijiet simili.
It-terroristi ġew bilġri fuq 4 karozzi off-road armati sa snienhom b’armi tan-nar, u tefgħu splussiv fil-moskea, waqt li fl-istess ħin fetħu n-nar fuq persuni oħra. Wara rtiraw u huma u jagħmlu dan ħarqu xi karozzi sabiex jimblukkaw l-aċċess għall-moskea.
Hu mifhum li l-Musulmani li kienu ġol-moskea kienu l-aktar Musulmani Sufi, forma aktar mistika tar-reliġjon, li sikwit in-nies tagħha jiġu attakkati minħabba twemminhom.
Kelliem għall-armata qal li l-uffiċjali segwew lit-terroristi mill-ajru, identifikaw il-karozzi li ħarbu bihom minn fuq il-post tad-delitt, u bbumbardjaw uġud minnhom.
Ebda grupp ma refa’ r-responsabbiltà, iżda rapport mill-prosekutur pubbliku jirrimarka li l-aggressuri kienu qed iġorru bandiera tal-ISIS.
Sadanittant, il-Gvern Eġizzjan iddikjara tlitt ijiem ta’ luttu nazzjonali.