Attakk Corinthia: Il-Gvern ta’ Tripli jrid kuntatt mal-Gvern Malti

Ix-Chargé d'Affaires Libjan li f'Malta jirrappreżenta lill-Gvern ta' Tripli, Hussin Musrati, b’rabta mal-attakki li saru lbieraħ fil-Corinthia ta’ Tripli, qal li mill-kameras tas-sigurtà ġie identifikat suspettat li bħalissa qed jinżamm arrestat.
Ix-Chargé d'Affaires lissen li xtaq kellu kuntatt mal-Gvern Malti u stiednu biex jiltaqgħu u jiddiskutu dak li ġara fl-aħjar interess taż-żewġ pajjiżi.
Din l-istedina waslet minkejja li Malta u l-kumplament tal-komunita internazzjonali tirrikonoxxi biss il-Gvern ta' Tobruk.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Balzan, Musrati appella lill-Gvern Malti biex jekk jixtieq li s-sitwazzjoni fil-Libja tmur għall-aħjar, għandu jlaqqa’ flimkien lill-Gvern ta’ Tobruk u Tripli.
Musrati ċċara li l-attakk ma kienx kontra Malta u l-Maltin fil-Libja iżda fil-mira kien hemm li jinqatel il-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Tripli Al-Hassi, li dak il-ħin fil-lukanda ma’ delegazzjoni barranija, u li ħarab mill-ewwel.
Possibiltà oħra, qal Musrati, hi li l-attakk terrorostiku jfixkel kull sforz tal-Gvern ta’ Tripli milli jkompli jaħdem għall-paċi.
Minkejja li fuq Twitter fergħa tal-iIstat Iżlamiku fil-Libja refgħet ir-responsabilta tal-attakk, Musrati saħaq li l-Gvern ta’ Tripli ma jafx min kien il-moħħ.  “Jekk hu minnu li kien l-Istat Iżlamiku, allura dan juri kemm il-Gvern ta’ Tripli hu kontra t-terroriżmu” qal ix-Chargé d'Affaires.
Kompla jgħid li jista’ jkun ukoll li l-attakk seta’ sar minn alleati ta’ Gaddafi jew oħrajn qrib il-Gvern ta’ Tobruk li jridu jxerrdu aktar biża’ fil-Libja.
Dwar jekk hemmx militati tal-Istat Iżlamiku fil-Libja, Musrati qal li l-midja Maltija għandha problema u jixtieq ikun jaf kif minn Malta, il-midja lokali taf x’qed jiġri fil-Libja.  
Insista li t-terroristi qiegħdin kullimkien, mhux fil-Libja biss.
Fl-Ewropa speċjalment fil-Parlament Ewropew qed tiġi diskussa l-possibilità li ġellieda tal-Istat Iżlamiku jidħlu fl-Ewropa flimkien ma’ immigranti irregolari biex iwettqu attakki terroristiċi bħal dawk fi Franza. F’Ġinevra, intemm rawnd ieħor ta’ diskussjonijiet bejn il-gruppi rivali u rappreżentanti tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda.  Id-diskussjonijiet huma immirati biex tinsab soluzzjoni għall-kunflitt fil-Libja.