Attakk Barċellona: jinstabu 120 ċilindru tal-gass moħbija f’dar

120 ċilindru tal-gass instabu f’dar f’Barċellona, u li aktarx kienu se jintużaw mill-grupp ta’ 12-il persuna li huma maħsuba li wettqu ż-żewġ attakki terroristiċi f’Barċellona l-ġimgħa li għaddiet.
L-Erbgħa dar splodiet f’Alcanar u persuna mietet, u l-għada vann baqa’ għaddej minn fuq in-nies f’Las Ramblas u ħalla 14-il persuna mejta, fosthom tifel ta’ tliet snin.
Il-Ġimgħa filgħodu, sigħat wara l-attakk f’Las Ramblas, karozza b’5 persuni fiha saqet għal fuq in-nies f’Cambrils, u hawnhekk mara tilfet ħajjitha. L-aggressuri nqatlu mill-Pulizija hekk kif il-karozza nqalbet u pruvaw jaħarbu.
Il-Pulzija Katalana kienet qed tinvestiga r-rabta li kien hemm bejn dawn l-attakki terroristiċi, u traċċi wassluha biex tikkonkludi li possibilment hemm 12-il persuna involuta f’dawn l-attakki.
Intant, mas-sejba taċ-ċilindri tal-gass, il-Pulizija temmen li l-grupp kien ilu jippjana diversi attakki sitt xhur.
Sa issa jidher li l-persuna li saqet il-vann f’Las Ramblas għadha maħruba, u l-Pulizija jafu l-identità tagħha iżda ma ridux iberrħuha. Hemm 4 Marokkini li ġew arrestati, kif ukoll il-fdalijiet minn żewġ iġsma li għad iridu jiġu kkonfermati.
Sadanittant, għaddejja t-tfittxija għal Marokkin li jismu Younes Abouyaaqoub.
Hemm spekulazzjonijiet li l-iġsma huma ta’ ħu wieħed mill-aggressuri f’Cambrils, u tal-imam li ġie rrappurtat nieqes u kien joqgħod f’Ripoll, elt li fiha kienu joqogħdu bosta mit-12-il aggressur.
Fir-ritratt: id-dar imġarrfa f'Alcanar