Att eżemplari ta’ żagħżugħ jiġbed l-attenzjoni internazzjonali

Impjegat f’ħanut ġibed l-attenzjoni minn madwar id-dinja kollha għal mod kif ġab ruħu waqt inċident li seħħ fil-ħanut fejn jaħdem.

L-inċident seħħ fil-ħanut Dairy Queen f’Minneapolis, fl-Istati Uniti, meta raġel nieqes mid-dawl waqatlu $20 mal-art waqt li kien qed iħallas u ma ndunax. Mara anzjana li kienet fil-kju wara dan ir-raġel indunat b’li ġara u minflok ġabret il-flus u tathomlu lura, tefgħat l-$20 fil-portmoni.

Dak li seħħ gie nnutat minn Joey Prusak, żagħżugħ li jaħdem bħala maniġer tal-ħanut. Hekk kif l-anzjana waslet quddiemu biex tinqeda qallha biex tagħti lura l-flus lir-raġel inkella ma jaqdihiex. Il-mara rrifjutat u Joey insistha magħha li jekk ma tagħtix l-flus lura kien se jgħidilha biex titlaq mill-ħanut. L-anzjana bdiet tgħajjat ma’ dan iż-żagħżugħ u telqet il-barra.  Hekk kif ra hekk, Joey Prusak mar hu fuq r-raġel u tah lura l-$20 minn butu.

Dan il-każ qajjem interess kbir, għal mod kif Joey wera sens ta’ altruwiżmu kbir, bil-medja internazzjonali tirraporta dan il-każ. Joey irċieva wkoll telefonata mill-biljunarju Warren Buffett, is-sid tal-kumpanija fejn irringrazzjah għal mod eżemplari ta’ kif ġab ruħu u qallu li l-aġir tiegħu għandu jkun ta’ mudell għall-impjegati l-oħra. Il-kumpanija qed tara kif se tikkumpensa lil Joey Prusak.

Joey Prusak ilu jaħdem ma’ Dairy Queen sa minn meta kellu 14-il sena, u daħal hemm biex ifaddal għall-istudji tiegħu fil-Business Management.