Mons. Alfred Xuereb jirrakkonta r-rinunzja tal-Papa Emeritu Benedittu XVI

Fil-11 ta’ Frar 2013, eżatt ħames snin ilu, il-Papa Benedittu XVI kien ħabbar li se jirrinunzja għall-Pontifikat tiegħu. Dan kien meqjus bħala ġest straordinarju li għamlu bi mħabba lejn il-Knisja li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jinftiehem il-kobor tiegħu.
F’din l-okkażjoni, Vatican News intervistaw lil Mons. Alfred Xuereb li llum jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tas-Segreterija Ekonomika tal-Vatikan, li għal ħames snin u nofs bejn l-2007 sa tmiem il-pontifikat kien qrib ħafna tal-Papa Benedittu bħala t-tieni segretarju tiegħu.
Qegħdin nirriproduċu t-test ta’ din l-intervista interessanti:
Mons Xuereb beda biex qal li tant għandu rikordji tal-Papa Benedittu li ma jixtieqx jinsihom biex iżomm ħajja l-memorja ta’ dawn is-snin li għex miegħu. “L-aktar mumenti b’saħħithom ovvjament huma dawk ta’ meta ddeċieda li jirrinunzja għall-pontifikat. Nifatakar sew il- 5 ta’ Frar 2013 meta l-Papa qalli biex immur fl-istudju tiegħu u tarrafli d-deċiżjoni kbira tiegħu li jirrinunzja. Dak il-ħin ġieni li nistaqsih ‘imma għax ma taħsibhiex ftit?’ Imma bqajt lura għax kont konvint li kien ħaseb fit-tul dwar dan.
F’dak il-ħin ġie f’moħħi li kien hemm żmien pjuttost twil meta hu, fis-sagristija qabel jibda jqaddes fil-kappella privata kien jieqaf għal mumenti twal jitlob u għalkemm kienu jdoqqu t-tokki tal-arloġġ b’sinjal li kien wasal il-ħin biex tibda l-quddiesa, hu kien jinjorahom u jibqa’ jitlob quddiem il-Kurċifiss li kien hemm fis-sagristija. Kont konvint li kien qed jitlob għal xi ħaġa important ħafna.
Dakinhar tal-5 ta’ Frar meta smajt mingħand il-Papa Benedittu d-deċiżjoni li kien ħa, ħsibt: “Allura probabbilment għalhekk kien qed jitlob!”
Mument qawwi ieħor kien meta ħabbar pubblikament waqt il-Konċistorju fil-11 ta’ Frar, id-deċiżjoni li kien ħa. Jien bqajt il-ħin kollu nibki anke waqt l-ikla ta’ nofsinhar.
Hu induna li kont emozzjonat ħafna u għidtlu: “Santo Padre, imma int trankwill u seren” u hu b’mod sod weġibni: “Iva” għax id-deċiżjoni kien ħadha. Hu kien seren għax kien ċert li ħaseb sew fuq din id-deċiżjoni u kien fil-paċi skont il-volontà ta’ Alla.”
M. Imbagħad int kellek tgħaddi mis-servizz ta’ Benedittu XVI għal dak ta’ Papa Franġisku…
T. Mument qawwi għalija kien meta ġejna biex ninfirdu għax hu baqa’ jgħidli: “Int tmur mal-Papa l-ġdid”. U allura meta mbagħad kien elett il-Papa Franġisku, jien ktibt lill-Papa Benedittu fejn staqsejtu jekk kontx liberu sakemm ma kellux bżonni. U meta waslet il-ġurnata li nitlaq minn Castel Gandolfo biex immur mal-Papa Franġisku – mis-Segreterija tal-Istat qaluli biex infittex nagħmel il-bagalji għax Papa Franġisku kien qed jiftaħ il-korrispondenza hu, jien dħalt fl-istudju ta’ Papa Benedittu biex ngħidlu dan u tlabtu jberikni. Hu bil-kalma kollha qam bil-wieqfa, jien inżilt għarkubtejja, berikni u ħallieni nitlaq.
M. Dan l-aħħar rajt lill-Papa Emeritu, x’impressjoni ħallielek?
T.  Stedinni f’jum għeluq snini fl-14 ta’ Ottubru li għadda, biex inqaddsu flimkien u nibqa’ għall-kolazzjon. Sibtu b’moħħ ħaj u miftuħ. Staqsieni ħafna affarijiet…Il-ħars li beda jagħtini waqt il-kolazzjon ġegħluni naħseb: ‘Kemm jien ferħan li qed nerġa’ narak!’. Ftakar tajjeb anke affarijiet dwar il-familja tiegħi, ommi u saħansitra l-qtates li kellha ommi. Ovvjament, fiżikament hu fraġli ħafna. Dalwaqt jagħlaq 91 sena u ommi li għandha ‘biss’ 82 qiegħda fl-istess kundizzjoni fiżika tiegħu.
M. – Taħseb li f’dawn il-ħames snin in-nies fehmet il-ġest sorprendenti ta’ Benedittu XVI?   
T. Xi wħud iva. Anke jekk hemm oħrajn li għad iridu jifħmu xi ftit aħjar dan il-ġest. Kien ġest kbir. Hu fehem, partikolarment waqt il-vjaġġ lejn il-Messiku, li ma kienx għadu jiflaħ jivjaġġja fit-tul. U ftit wara waslet il-Ġurnata Mondjali taż-Żgħażagħ fil-Brazil u induna li ma kienx għadu jiflaħ jivjaġġja u jagħmel dawn l-isforzi kollha.
Għamel ġest eroiku, għax kien jaħseb ħafna fil-Knisja, l-imħabba li kellu għall-Knisja kienet ferm akbar mill-imħabba li kellu għalih innifsu. Ma qagħadx jaħseb x’se jgħidu fuqu n-nies jew xi ambjenti, li forsi ma kellux il-kuraġġ ikompli.  Hu dejjem baqa’ seren la darba kien fehem li Alla talb minnu li jagħmel dan l-att, ħabb aktar lill-Knisja milli lilu nnifsu.
M.  – Inti għal sena sħiħa kont anke Segretarju partikolari tal-Papa Franġisku. Kif tiddeskrivi r-rapport bejn Joseph Ratzinger u Jorge Mario Bergoglio, li rajthom mill-viċin?
T. Il-Papa Franġisku mill-ewwel ta definizzjoni tajba: “Għandna l-privilegg li għandna ‘n-nannu’ fid-dar magħna. Għandna memorja storika ħajja li nistgħu nserrħu fuqha. U jien ċert li l-Papa Franġisku hekk għamel. Imbagħad hemm ukoll il-ġesti li jitkellmu. Qabel mal-Papa Franġisku ħareġ quddiem in-nies fil-Loġġa tal-Vatikan meta nħatar, ċempel lill-Papa Benedittu biex isellimlu. Aħna konna fis-sala tat-televiżjoni fejn it-telefon qatt ma jċempel u ma smajniħx. Dan jispjega l-fatt li l-Papa Franġisku dam ma ħareġ fil-gallarija. Imbagħad reġgħu ċemplulna waqt iċ-ċena u staqsewna “Imma intom fejn kontu?” – “Konna quddiem it-televiżjoni”… “Il-Papa Franġisku se jċemplilkom wara l-ikel”. Jien ħadt miegħi it-telefon ċellulari. Walet it-telfonata u għaddejtu lill-Papa Benedittu u smajtu jgħid: “Santità, minn issa stess inwiegħdek l-ubbidjenza sħiħa tiegħi u li nitlob għalik”.  Dawn mumenti li ma nistax ninsa.
M. X’taħseb li hu l-akbar rigal li Benedittu XVI qed joffri lill-Knisja f’dawn is-snin ta’ talb u servizz għall-Knisja?
T. Hu għamel din l-għażla li jgħix irtirat biex ikun jista’ jlesti lilu nnifsu għal-laqgħa finali mas-Sinjur u dan qed jagħmlu b’impenn spiritwali, joffri talb u l-fraġilita’ ta’ saħħtu favur il-Knisja u l-Papa.