Atleti, xjenzati u artisti se jkunu jistgħu jsiru Maltin jekk joffru kontribut eċċezzjonali lil Malta

Il-Parlament illejla beda jiddiskuti abbozz ta’ liġi li jippermetti lil xjenzjati, riċerkaturi, atleti, persuni fl-isports, artisti u persuni fil-qasam tal-kultura barranin biex isiru ċittadini Maltin.
Fl-introduzzjoni tiegħu għad-diskussjoni dwar dan l-abbozz, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li din il-liġi qed iddaħħal triq oħra biex barranin isiru Maltin, għal dawk il-persuni li jistgħu joffru kontribut siewi f’dawn l-oqsma b’mod li jgħollu l-livell tal-qasam rispettiv.
L-abbozz ta’ liġi jgħid li biex ikun eliġibbli, barrani jrid ikun wettaq servizzi eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew li n-naturalizzazzjoni tiegħu hi ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta.
L-abbozz jiddefinixxi t-terminu ‘eċċezzjonali’ bħala eċċellenti b’mod mhux normali u, jew superjuri fuq livell lokali, u tirreferi primarjament għal kontribuzzjonijiet magħmula minn persuni involuti fl-oqsma msemmija.
Skont emendi proposti mill-Gvern għall-istess abbozz, il-persuna jrid ikollha konnessjoni ġenwina ma’ Malta billi tipprova residenza ta’ 12-il xahar qabel l-applikazzjoni u kopja ta’ titlu ta’ propjetà.  L-applikazzjoni trid tkun issekondata minn korp kompetenti, bħall-Università ta’ Malta jew ekwivalenti rikonoxxut mill-Kummissjoni għal Edukazzjoni Għolja, jew il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fil-każ ta’ xjenzat. Hekk ukoll, f’każ ta’ sport, irid ikun l-għaqda nazzjonali tal-isport inkwistjoni kif ukoll minn SportMalta.
L-applikazzjoni se jsirilhom due diligence minn Identity Malta u eventwalment minn bord immexxi minn avukat b'esperjenza ta' seba' snin akkumpanjat minn żewġ esperti skont il-qasam. Ir-rakkomandazzjoni eventwalment tiġi approvata mill-Ministru responsabbli. 
Il-Ministru Bonnici qal li l-Ministru tal-ġurnata se jkun jista' jneħħi ċ-ċittadinanza ta' dawk il-persuni li ma jonorawhiex.
Huwa qal li l-Gvern mhux qed jistenna li se jkun hemm numru kbir ta' persuni li japplikaw taħt din il-liġi, biss skont huwa, anki persuna waħda tista' tagħmel id-differenza fl-oqsma rispettivi.