Aġġornata: F’Jum San Valentinu Oscar Pistorius qed jiġi akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu

Il-Pulizija qed teskludi l-fatt li l-atleta paraolimpiku Oscar Pistorius qatel lit-tfajla tiegħu bi żball wara li ħasibha ħalliel. Id-delitt ġara matul il-lejl li għadda fid-dar tiegħu f’Johannesburg fl-Afrika ta’ Isfel.

It-tfajla ta’ Pistorius, hi l-mudella Reeva Steenkamp ta’ tletin sena. Oscar Pistorius għandu 26 sena, u huwa magħruf bħala l-‘Blade Runner’ jew inkella bħala l-iktar raġel veloċi mingħajr saqajn.

Għal bidu l-mezzi tax-xandir ħabbru li hi daħlet fid-dar ta’ Pistorius bil-moħbi biex tagħtih sorpriża proprju għal Jum San Valentinu. Jidher li Reeva Steenkamp mietet fuq il-post b’tiri t’arma f’rasha u f’idejha.

Skont il-ġurnal Telegraph, il-pulizija ta’ Johannesburg mhux l-ewwel darba li rċiviet rapporti ta’ vjolenza domestika mid-dar ta’ Oscar Pistorius.