Ativan: Out of stock għal aktar minn xahar

“Il-prodott mistenni jkun disponibbli f'nofs Novembru” - importatur

medicine
Photo by: Unsplash

Read in English.

Ħafna nies li jieħdu l-pilloli Ativan ikkuntattjaw lil Newsbook.com.mt biex jesprimu r-rabja u l-inkwiet tagħhom għax dan il-prodott ilu out of stock għal aktar minn xahar. Ir-reazzjonijiet tagħhom kienu li dan hu inaċċettabbli u qed jikkawżalhom l-uġigħ u l-ansjetà.

Ħafna minn dawk li lmentaw qalu li ma jħossuhomx daqshekk komdi jużaw il-pillola ġenerika minflok Ativan.

Xi wħud qalu li ma kellhomx għażla ħlief li jissellfu l-pilloli mingħand ħaddieħor, xi ħaġa li hi skoraġġita mit-tobba. Issa qegħdin jinkwetaw jekk jirnexxilhomx jixtru biżżejjed pilloli biex jagħtu lura l-pilloli li ssellfu.

Joanna Gatt, id-Direttriċi ta’ Vivian Corporation, li huma importaturi ta’ Ativan, qalet lil Newsbook.com.mt li l-kumpanija jiddispjaċiha li ġara dan u li qed jaffettwa lill-klijenti. Stqarret li tittama li l-problema tissolva fl-iqsar żmien possibbli.

L-ispiżjara qed jirrazzjonaw il-pillola ġenerika

Xi psikjatri qalu lil din il-kamra tal-aħbarijiet li l-alternattiva ġenerika hija tajba daqs l-oriġinali.

Psikjatra minnhom, li xtaq jibqa’ anonimu, qal illi qatt ma kellu lmenti mingħand il-pazjenti tiegħu li qelbu mill-pillola orġinali għall-ġenerika.

Dawk li jieħdu l-pilloli rreaġixxew billi qalu li s-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar, peress li issa anke l-għadd ta’ alternattivi ġeneriċi qed isir skars. Xi spiżjara qegħdin jirrazzjonaw in-numru ta’ pilloli li jbigħu lill-klijenti tagħhom.

Xi ħadd żied jgħid li spiżeriji differenti qalu li l-konsenja tal-Ativan kellha tasal sa tmiem Ottubru, imma issa qed jgħidu li l-Ativan se jkun disponibbli l-ġimgħa d-dieħla.

Madankollu, id-Direttriċi ta’ Vivian Corporation, is-Sa Gatt, kienet aktar kawta. Hi spjegat li l-prodott għandu jasal sa nofs Novembru. Assigurat lill-pubbliku li huma se jagħmlu dak kollu jistgħu biex il-pilloli jqassmuhom madwar il-pajjiż fl-iqsar ħin possibbli.

“Dejjem nagħmlu l-almu tagħna” – Gatt

Gatt żiedet tgħid lil Newsbook.com.mt li dejjem jagħmlu l-almu tagħhom biex jaraw li l-prodotti li jqassmu huma qatt ma jkunu out of stock. Minkejja dan, ikun hemm xi istanzi li ma jkunux fil-kontroll tagħhom, bħalma ġara bl-Ativan.

L-istock ġie ordnat f’April tal-2020 biex jasal sa Ġunju, imma minħabba kwistjonijiet bil-provvista minn fejn jiġu manifatturat dawn il-pilloli, l-istock qed jittardja.

Sadattant, dawk li jieħdu l-Ativan ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief li jistennew.