Athletics Malta f’ħidma biex tattira turiżmu sportiv hekk kif atleti Slovakki jitħarrġu f’Malta

Tnejn mill-aqwa atleti Slovakki, Martin Kučera and Šimon Bujna, flimkien mal-kowċ tagħhom Radoslav Ivan, jinsabu Malta għal kamp ta’ taħriġ ta’ erba’ ġimgħat biex jiffinalizzaw il-preparamenti tagħhom għall-istaġun li ġej tat-tlielaq indoor.

L-assoċjazzjoni nazzjonali, Athletics Malta, li ffaċilitat dan il-kamp, qed taħdem biex tattira lejn Malta aktar atleti internazzjonali u għandha ambizzjonijiet kbar għas-snin li ġejjin. Il-kumitat attwali għaddej f’ħidma intensiva biex jattira investiment aktar qawwi fl-infrastruttura bl-għan li tiżdied il-possibbiltà li avvenimenti internazzjonali jsiru hawn Malta u b’hekk jissaħħaħ it-turiżmu sportivi.

Għax-xhur li ġejjin, diġà huma kkonfermati International Meeting tal-European Athletics Promotion circuit f’Mejju kif ukoll kamp ta’ taħriġ għax-shotputters ewlenin tar-Renju Unit bħala partit mit-tħejjijiet tagħhom fl-Olimpjadi tas-Sajf li ġej.

L-isprinters Slovakki li qegħdin Malta qed iħejju għall-istaġun tal-kompetizzjonijiet indoor bl-għan li jiksbu riżultat li bih jikkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej indoor li se jsiru f’Toruń, fil-Polonja.

Aktar kmieni din is-sena Bujna rreġistra ħin impressjonanti ta’ 46”44, it-tmien l-aqwa ħin tal-istorja Slovakka. Min-naħa tiegħu, Kučera, li diġà ġera taħt l-48 sekonda, qed jimmira biex jirreplika dan ir-riżultat f’ċirkwit indoor.

Il-kowċ Radoslov Ivan esprima l-apprezzament tiegħu għall-merħba u l-għajnuna li sab hawn Malta: “It-tim ta’ Athletics Malta assigura li ntlaħqu l-ħtiġijiet kollha tagħna u napprezza ħafna l-appoġġ li ngħatajna.” Huwa rrimarka l-klima ideali ta’ pajjiżna għal kampijiet ta’ taħriġ f’dan iż-żmien tas-sena u l-kundizzjoni perfetta tat-trakka tal-Marsa.

Il-President ta’ Athletics Malta, Andy Grech, innota li oġġettiv ewlieni tal-kumitat preżenti hu li jkompli jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza għat-turiżmu sportiv, u spjega li t-temp ta’ pajjiżna hu ideali biex jattira atleti minn pajjiżi b’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli.

Grech spejga: “Aħna nemmnu li l-isport jista’ jkun kontributur importanti għat-tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin, filwaqt li jgħin fid-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku Malti. Diġà assigurajna żewġ avvenimenti important għax-xhur li ġejjin iżda l-opportunitajiet li hemm huma kbar ferm. Madankollu, waħedna ma nistgħux naslu: biex inkomplu npoġġu lil Malta fuq il-mappa u nattiraw attivitajiet simili u akbar, li minnhom igawdi l-pajjiż, għandna bżonn ta’ appoġġ għal investiment infrastrutturali b’mod partikolari fil-faċilitajiet tagħna biex inkunu verament nistgħu nippromwovu lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza f’dan l-isport”.

Dan it-tagħrif twassal minn Athletics Malta.