​Athleta kontra Virtus fil-finali tan-knockout tal-baskitbol

Athleta u Virtus se jkunu l-finalisti tad-49 edizzjoni tal-BOV Basketball Knockout li se tintlagħab nhar l-10 ta’ Frar fl-4.30pm fil-padiljun tal-baskitbol f’ Ta’ Qali.
Il-kowċis u l-plejers barranin taż-żewġ timijiet finalisti, dalgħodu kienu preżenti għall-konferenza stampa li ġiet indirizzata minn Paul Sultana, President tal-Malta Basketball Association u Peter Perotti, Chief Officer fi ħdan il-Bank of Valletta.
Athleta diġa rebħu din it-tazza għaxar darbiet fl-istorja tagħhom filwaqt li Virtus, fl-ewwel staġun tagħhom fl-ogħla diviżjoni qed ifittxu li jżidu t-trofew tan-Knockout max-Shield li rebħu aktar kmieni f’dan l-istaġun.
Għall-ewwel darba qed jiġi introdott l-unur ta’ ‘Most Valuable Player’ f’din il-kompetizzjoni fejn il-media speċjalizzata se tagħżel ir-rebbieħ li jirċievi l-unur dritt wara l-logħba.
Il-plejers tat-tim rebbieħ ukoll se jirċievu midalji, li se tkun xi ħaġa ġdida f’din il-kompetizzjoni.