Attentat ta’ qtil fuq ġurnalist fi Franza; martu l-vittma

Raġel armat b’arma tan-nar qatel il-mara ta’ ġurnalist mill-Ażerbajġan u ferih gravement, wara sparatura li aktarx kienet ikkawżata minn tensjoni ta’ natura politika.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li l-inċident seħħ f’Toulouse, fi Franza, xħin l-aggressur li għadu ma ġuiex identifikat spara mill-qrib lejn il-koppja, aktarx biex joqtol lill-ġurnalist li kien eżiljat fi Franza.
It-tir seħħ mill-qrib u laqat lil mart il-ġurnalist f’rasha.
Il-ġurnalist, Rahim Namazov, kien kritiku tal-Gvern Ażerbajġani, u qabel ma sab il-protezzjoni tal-eżilju fi Franza kien skonta sentenza l-ħabs fl-Ażerbajġan.
F’Diċembru li għadda tella’ filmat Youtube, u żvela li kien arrestat għax kiteb dwar il-brutalità kontra suldati Ażerbajġani fit-taqsima militari tal-pajjiż. Għal dan kien intefa’ sitt xhur ħabs solitarji.
Sadanittant, is-Sindku ta’ Colomiers fejn seħħ l-omiċidju, qalet li b’dak li ġara llum ġew attakkati l-professjoni ġurnalistika, missier ta’ familja u l-libertà tal-istampa.
Il-Human Rights Watch, organizzazzjoni dinjija mhux governattiva li tirriċerka fuq id-drittijiet umani, kienet qalet is-sena l-oħra li l-Gvern Ażerbajġani baqa’ għaddej bit-tortura biex isikket l-ilħna li ma jaqblux miegħu.
Fost l-oħrajn, kmamar tal-aħbarijiet u ġurnalisti indipendenti kienu fil-mira tiegħu.