Ateni tibda turi sinjali ta’ futur

Negozjaturi f’isem il-kredituri tal-Greċja bdew jaslu f’Ateni biex jibdew taħdidiet dwar it-tielet pakkett ta’ self, ta’ €86 biljun.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-taħdidiet diġà bdew għalkemm il-Gvern Grieg qal li diskussjonijiet fuq livell għoli mistennija jibdew iktar tard din il-ġimgħa.
Għada wkoll mistennija terġa’ tiftaħ il-Borża t’Ateni, wara 3 ġimgħat magħluqa.
Dawn l-aħbarijiet ħarġu ftit biss wara li l-eks-Ministru tal-Finanzi, Yanis Varoufakis, żvela li l-Gvern ta’ Tsipras kien qed jippjana li jdaħħal sistema parallela ta’ pagamenti li eventwalment kienet se terġa’ ddaħħal id-drachma.
Dan kieku l-Bank Ċentrali Ewropew qata’ l-likwidità li kienet meħtieġa b’mod urġenti biex tiffinanzja s-sistema finanzjarja Griega.
Fost l-oħrajn, kienu qed jippjanaw biex jikkupjaw b’mod sigriet, passwords marbuta ma’ kontijiet ta’ taxxa, biex ikunu jistgħu jibqgħu jsiru transazzjonijiet mal-istat.