Astronawti tan-NASA jtemmu l-vjaġġ fil-kapsula SpaceX Crew Dragon

NASA/Bill Ingalls/Handout via REUTERS

Read in English.

L-astronawti Amerikani Bob Behnken u Doug Hurley, li vjaġġaw lejn l-Istazzjoni tal-Ispazju Internazzjonali fil-kapsula l-ġdida Crew Dragon ta’ SpaceX, niżlu fil-Golf tal-Messiku nhar il-Ħadd wara vjaġġ ta’ xaharejn fl-ispazju. Din kienet l-ewwel missjoni tan-NASA bl-astronawti li telqet mill-Istati Uniti f’dawn l-aħħar disa’ snin. 

Behnken u Hurley, li qattgħu 64 ġurnata fl-ispazju, telqu mill-istazzjoni nhar is-Sibt u rritornaw lura f’pajjiżhom meta niżżlu l-kapsula tagħhom fl-ilmijiet kalmi madwar il-kosta ta’ Pensacola fi Florida kif wara vjaġġ ta’ 21 siegħa matul il-lejl bil-vettura Crew Dragon “Endeavor.”

“Din kienet kemxejn ta’ odissea,” Hurley qal lill-uffiċjali għolja tan-NASA u SpaceX matul ċerimonja biex tilqagħhom lura wara l-vjaġġ tagħhom, li ġiet organizzata fil-Johnson Space Center tan-NASA fi Houston, Texas. “Huwa inkredibbli li lħaqna dan il-punt, bħala l-ewwel titjira b’ekwipaġġ fuq id-Dragon.”

L-atterraġġ b’suċċess, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu li sar min-NASA f’dawn l-aħħar 45 sena, kien l-aħħar test biex ikun stabbilit jekk il-vettura spazjali ta’ SpaceX, li l-Kap Eżekuttiv tagħha huwa Elon Musk, tistax tittrasporta astronawti f’orbita – l-ewwel darba li kumpanija privata rnexxielha tagħmel dan.

“Dan il-jum jimmarka era ġdida għall-esplorazzjoni tal-ispazju,” qal Musk. “M’inix persuna reliġjuża, imma tlabt biex din il-missjoni tirnexxi.”

L-amministratur tan-NASA, Jim Bridenstine qal li s-suċċess tal-missjoni jimmarka “era ġdida għall-ivjaġġar ta’ bnedmin fl-ispazju, fejn in-NASA m’għadhiex dik l-organizzazzjoni li tixtri, tipposjedi u topera l-ħardwer kollu,” iżda hija waħda minn diversi konsumaturi futuri ta’ vjaġġi fl-ispazju.

“Illum tassew ktibna l-istorja,” qal Bridenstine meta tkellem matul konferenza stampa.

Minkejja r-restrizzjonijiet mill-Gwardja Kostali u r-riskji għas-sigurtà, diversi spettaturi nġabru f’dgħajjes privati madwar is-sit fejn kien ippjanat l-inżul, għexieren ta’ mili mill-kosta. Intant, it-tims tas-salvataġġ ta’ SpaceX u NASA użaw krejn biex jirkupraw il-vettura mill-ilma u jtellgħuha fuq dgħajsa.

Il-ġbir tal-ekwipaġġ mill-Crew Dragon kien ittardjat ftit sakemm it-timijiet ħadmu biex ibattlu t-tankijiet tal-fjuwil wara li nnutaw xi traċċi ta’ dħaħen ta’ tetrossidu tan-nitroġenu barra l-kapsula, gass tossiku li rriżulta mill-fjuwils fjammabbli tal-vettura spazjali.