Jibdew il-provi kliniċi tal-vaċċin fiċ-Ċina

AstraZeneca qed tippjana li tagħti bidu għall-ewwel provi kliniċi tal-vaċċin tagħha kontra l-COVID-19 fiċ-Ċina din is-sena, skond uffiċjal għoli fil-kumpanija li tinsab qed tħejji sabiex tibda’ tqassam il-vaċċin madwar id-dinja.

Il-vaċċin diġa jinsab fil-fażi finali tal-provi kliniċi f’pajjiżi oħra, u AstraZeneca u s-sieħeb tagħha f’dan il-proġett, l-Università ta’ Oxford, qed jistennew ir-riżultati minn dawn it-trials din is-sena.

Jekk ir-riżultati jkunu ta’ suċċess, issir applikazzjoni għall-approvazzjoni b’emerġenza f’kemm jista’ jkun pajjiżi possibbli u fl-istess żmien, qal il-Kap Eżekuttiv Pascal Soriot aktar kmieni din il-ġimgħa.

Fiċ-Ċina, il-kumpanija għandha ftehim ma’ Shenzhen Kangtai Biological Products sabiex timmanifattura l-vaċċin fil-pajjiż.

Skond dan il-ftehim, Shenzhen Kangtai, waħda mill-ikbar manifatturi ta’ mediċini fiċ-Ċina, se tiżgura li f’sena se tkun kapaċi tipproduċi ta’ l-inqas 100 miljun doża tal-vaċċin sperimentali AZD1222 sa l-aħħar ta’ din is-sena.

Il-vaċċin kapaċi jkun approvat għall-użu fiċ-Ċina sa nofs l-2021 wara li tkun inġabret l-informazzjoni kollha relatata mas-saħħa mill-ewwel u t-tieni fażi tat-trials fiċ-Ċina u informazzjoni dwar l-effettività mill-provi tal-vaċċin barra miċ-Ċina, qal Leon Wang, Kap ta’ l-operat ta’ AstraZeneca fiċ-Ċina lil Reuters.