Aston Martin b’ishma għall-pubbliku

Aston Martin, il-kumpanija Ingliża li timmanifattura l-karozzi bl-istess isem,
magħrufa l-aktar għall-għażliet tal-vetturi ta’ James Bond, ħabbret li se tkun
qed toħroġ ishma għall-bejgħ għall-pubbliku.

Dan huwa turija ta’ bidla qawwija fil-prestazzjoni tal-kumpanija, li fi storja ta’
100 sena, iddikjarat falliment għal seba’ darbiet, u għaddiet minn proprjetarju
għall-ieħor, fosthom Ford Motors. Dan hekk kif il-popolarità ta’ din il-karozza
lussuza fost xerrejja sinjuri kompliet tikber, b’mod partikolari fi swieq
emerġenti, fuq quddiem nett l-Ażja. Id-ditta se tkun qed issegwi l-passi tal-
Ferrari, li wkoll ħabbret li se tkun qed tbiegħ l-ishma.

Aston Martin għandha kapitalizzazzjoni ta’ $24 biljun. Ftit tal-ġimgħat ilu
ħabbret li se tkun qed tintroduċi mill-ġdid il-vettura Lagonda, li kienet success
fil-passat kif ukoll mudell lussuż ġdid ta’ SUV li jaħdem bl-enerġija elettrika.
Il-kumpanija qed timmira li tipproduċi madwar 7,300 karozza s-sena d-dieħla u
tavviċina l-10,000 s-sena ta’ wara.

Id-dħul ta’ Aston Martin fl-ewwel nofs tas-sena żdied b’14% għal 137 miljun
dollaru, filwaqt li l-bejgħ żdied bi 8% għal 445 miljun.
Hu mifhum li l-kumpanija qed tipprevedi li tbiegħ lill-pubbliku madwar kwart
tal-ishma tagħha, aktarx dawk li fil-preżent huma fil-proprjetà ta’ Invest
Industrial tal-Italja u Investment Dar tal-Kuwajt. Min-naħa tagħha, il-kumpanija
Ġermaniża Daimler hi mistennija żżomm is-sehem tagħha li huwa qrib il-5%.

Offerta biljunarja għal Yum China
L-operatur tal-ktajjen tal-fast food Yum China Holdings irrifjuta offerta ta’ 17-il
biljun dollaru minn konsorzju mmexxi minn ditta ta’ investiment Ċiniża
Hillhouse Capital Group, f’dak li seta jkun wieħed mill-akbar ftehmiet din is-
sena fil-pajjiż. Madankollu, hu mistenni li Hillhouse terġa’ żżid l-offerta tagħha
hekk kif trid issaħħaħ il-preżenza fil-pajjiż bi sfida ċara għal qawwa ta’
McDonalds.

Dan il-konsorzju, li jinkludi l-kumpanija ta’ investiment Baring Private Equity
Asia kif ukoll il-fond sovran tal-pajjiż, offra 46 dollaru kull sehem, 24% aktar
mill-prezz attwali, għall-akbar katina tal-ikel fil-pajjiż.
Yum China għandha l-liċenzja esklussiva biex topera l-KFC, Pizza Hut u Taco
Bell fiċ-Ċina u għandha aktar minn 8,000 ristorant f’1,200 belt. Filwaqt li Yum
China rrifjutat li tikkumenta din l-aħbar, hija esprimiet l-impenn tagħha biex
tkabbar il-preżenza tagħha, tant li mistennija tlaħħaq l-20,000 ħanut fuq medda
twila ta’ żmien. Hu għalhekk li, fid-dawl tal-espansjoni qawwija ta’ McDonalds

fil-pajjiż, li l-akkwist ta’ Hillhouse ta’ Yum China jista’ jkun sinjal dirett tad-
direzzjoni li tkun qed tieħu din il-kumpanija.
L-ishma ta’ Yum China, li kienet l-ewwel kumpanija tal-Punent f’dan is-settur li
fetaħ ħanut tal-KFC f’Beijing fl-1987, irreġistraw żieda ta’ 12% din il-ġimgħa
hekk kif żdidu x-xnigħat ta’ offerta akbar fil-ġranet li ġejjin.

L-Arġentina titlob għajnuna urġenti mill-IMF
Il-Fond Monetarju Internazzjonali qed jikkunsidra talba mill-Arġentina biex l-
IMF jgħaġġel il-pagament ta’ 50 biljun dollaru f’programm ta’ self wara kollass
tal-kunfidenza tal-investituri li waslet biex din il-ġimgħa biss il-munita tal-pajjiż
tilfet mas-7%.

Dan kien l-akbar żvalutar tal-peso sa mill-2015, biex issa għalqet f’valur ta’
34.10 kull dollaru Amerikan, li jfisser li tilfet kważi nofs il-valur (45%). It-
tensjoni marbuta mat-tielet l-akbar ekonomija fl-Amerika ta’ Isfel hija evidenti,
hekk kif l-aspirazzjonijiet li l-pajjiż li kien qed jagħti l-impressjoni li kien
irnexxilu jirpilja mill-falliment tal-2002, kienu qed jidgħajfu.
Filwaqt li l-Gvern qed iwiegħed li jgħaġġel fil-pjanijiet tiegħu biex inaqqas id-
defiċit, numru ta’ investituri huma inkwetati li jista’ jkun l-għajnuna tal-IMF ma
tkunx biżżejjed, aktar u aktar fid-dawl ta’ miżuri ta’ tnaqqis tan-nefqa intiżi biex
inaqqsu d-defiċit.

L-IMF jidher disposta taċċetta l-argument li l-kundizzjonijiet ekonomiċi
internazzjonali inbidlu sa mill-iffirmar oriġinali tal-ftehim, u qed jaħdem mal-
Gvern fuq pjan ekonomiku li jirrispondi għall-bidliet fis-swieq finanzjarji
globali. L-Arġentina qed tipprova tħaffef dan il-proċess biex tnaqqas id-
dipendenza tagħha fuq self permezz ta’ bonds, li fid-dawl tas-sitwazzjoni
attwali reġgħu qed jattiraw rata tal-imgħax ogħla li tpoġġi pressjoni qawwija
fuq il-finanzi tal-pajjiż.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel.
21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni
biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment