Assoċjazzjonijiet jitolbu investigazzjoni għala Portelli ddaħħal fi sptar mentali

L-Alleanza għas-Saħħa Mentali (A4MH) qiegħda titlob li tinfetaħ investigazzjoni dwar il-fatt li l-Pulizija daħħlu lil Mario Portelli fl-Isptar Monte Karmeli. Fl-istqarrija tagħhom, huma ma semmewx lill-pazjent b’ismu, filwaqt li l-Partit Demokratiku semmieh. L-Alleanza bagħtet ittri b’din it-talba lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli u anke lill-Kap tal-Bord tal-Governanza tal-Pulizija. Il-Partit Demokratiku wkoll staqsa jekk il-Pulizija hijiex qiegħda tagħmel dmirha jew tonqos minnu.
Portelli, li huwa eks uffiċjal tal-Pulizija, xerred filmati fuq il-midja soċjali li fost affarijiet oħra, fihom jgħid li l-Prim Ministru xehed falz dwar il-kumpanija Egrant. F’filmat li xerred online lbieraħ, Portelli qal li l-Pulizija, li jidhru fil-filmat, marru jarrestawh għax ma riduhx jikkonfronta lil Joseph Muscat nhar il-Ħadd.
F’filmat mibgħut mill-Partit Demokratiku, il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia qal li mhuwiex se jidħol f’jekk dak li qal Portelli huwiex minnu jew le, imma qiegħed jistaqsi jekk il-Pulizija segwewx il-prassi meħtieġa f’dan il-każ. Kemm Farrugia, kif ukoll l-A4MH, insistew li l-Pulizija ma tista’ qatt iddaħħal lil xi ħadd fl-Isptar Monte Karmeli mingħajr ma jkollha l-kunsens tat-tabib. Jekk il-pazjent ma jkunx irid, il-Pulizija tkun trid tikseb 2 firem: dik tat-tabib u dik ta’ social worker, inkella ta’ qarib tal-pazjent.
Fl-istqarrija, il-PD temm jgħid li jekk xi ċittadin jagħmel malafama jista’ jiġi mfittex b’libell, u jekk jagħmel akkużi u jkun lest li jippreżenta provi, il-Pulizija għandha dmir li tinvestiga. Huwa fakkar ukoll li l-Kummissarju tal-Persuni b’Diżordni Mentali jista’ jaġixxi jekk jinstab li l-Pulizija ma jkunux aġixxew kif suppost.
A4MH hija organizzazzjoni magħmula minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali,
bħall-Fondazzjoni Richmond, l-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali, l-Assoċjazzjoni Psikjatrika Maltija, u anke l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Infermiera Psikjatriċi.
Tista’ tara l-ittri mibgħuta mill-A4MH hawnhekk: