Assoċjazzjonijiet Ewropej għall-ħelsien tal-midja mħassba dwar l-attentat tixħim ta’ ġurnalist

Dr-Charles-Mercieca-Dr-Gianluca-Caruana-Curran
Miguela Xuereb

Read in English.

L-allegat attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist mit-tim tad-difiża tas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech intlaqa’ bi tħassib minn numru ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej għall-ħelsien tal-midja kkordinati mill-Media Freedom Rapid Response. Fenech qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalist Daphne Caruana Galizia.

L-assoċjazzjonijiet – Article 19, the Association of European Journalists, the European Centre for Press and Media Freedom, the European Federation of Journalists, Free Press Unlimited, the International Press Institute, OBC Transeuropa and the Daphne Caruana Galizia Foundation – sostnew li l-verżjoni ta’ kif seħħew l-affarijiet li tat in-naħa tad-difiża hija oġġezzjonabbli.

Fi stqarrija, it-tim tad-difiża ammetta li offra flus lill-ġurnalist ta’ Times of Malta, Ivan Martin. L-offerta saret mill-avukat Gianluca Caruana Curran. It-tim insista li l-offerta saret għax il-ġurnalist offra li jgħinhom barra mix-xogħol tiegħu mal-ġurnal fejn hu impjegat. L-assoċjazzjonijiet qalu li dan it-tip ta’ ġurnaliżmu (envelope journalism) imur kontra l-ħelsien tal-midja. Sostnew li anke attentat fallut ta’ tixħim jimmina l-integrità u juri fehma ħażina tal-irwol tal-midja fis-soċjetà.

L-assoċjazzjonijiet osservaw kif il-verżjoni ta’ kif seħħew l-affarijiet min-naħa ta’ Martin jikkonstitwixxu f’tixħim li għandu jkun investigat mill-awtoritajiet Maltin. Qalu li dan partikolarment minħabba l-irwol ta’ Caruana Curran f’każ daqshekk importanti fil-pajjiż.

Huma innutaw ukoll li t-tim tad-difiża għamel allegazzjonijiet li mhux konsistenti u lanqas ma huma korroborati dwar Martin. Huma sostnew li dan kien attentat biex itappnu l-integrità personali tiegħu.

“Huma nnifishom (id-difiża) qed iwettqu attak fuq il-ħelsien tal-midja u ninkoraġġixxu lil Caruana Curran u Mercieca biex jieqfu jxerrdu informazzjoni bla bażi u minflok jikkoperaw b’mod sħiħ mal-investigazzjonijiet fl-aġir tagħhom,” insistew l-assoċjazzjonijiet.