Filmat: Assoċjazzjoni għall-konsumaturi wara l-iffriżar ta’ Satabank

Avukat Taljan spjega kif dawk li kellhom kontijiet kemm personali kif ukoll kummerċjali ma’ Satabank qed jaffaċċjaw problemi fil-ħajja ta’ kuljum u kif dan waslu biex jwaqqaf assoċjazzjoni għall-konsumaturi tas-servizzi bankarji u finanzjarji. Francesco Trimboli, huwa avukat Taljan u membru tal-kamra tal-kummerċ Taljana f’Malta. Huwa tkellem ma’ Newsbook.com.mt u saħaq li l-każ ta’ Satabank huwa “stramb” dan għaliex twaqqaf l-aċċess lill-klijenti kollha. Trimboli spjega wkoll kif qed jinġabru l-firem biex titwaqqaf  ATUSBUF jew l-Assoċjazzjoni tal-Utenti tas-Servizzi Bankarji u Finanzjarji, li  s’issa tinsab biss onlajn.

Mill-esperjenza tiegħu fil-Kamra tal-Kummerċ Taljana qal li ntaqa’ ma’ diversi nies li huma klijenti ta’ Satabank. Huwa sostna li l-avviż pubbliku li ħarġet l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) filwaqt li kien importanti li l-Awtorità tieħu azzjoni affettwat diversi klijenti oħra li m’humiex qed jiġu investigati. Trimboli sostna li ma jaħsibx li dan qatt ġara f’Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ieħor.  Huwa kompla jispjega li dan kien qed jaffettwa kemm fix-xiri tal-ikel kuljum kif ukoll qed iwaqqaf negozji milli jkomplu b’xogħolhom . Filwaqt li l-klijenti mhux inkwetati li xi darba jkollhom flushom, fiż-żmien immedjat huma qed ibatu minħabba l-avviż tal-MFSA.

Ittra miftuħa lill-awtoritajiet Maltin u Ewropej

Trimboli tkellem dwar ittra miftuħa li bħalissa qed iddur u għaliha qed jinġabru l-firem. L-ittra hi indirizzata lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministeru tal-Finanzii, l-MFSA, Satabank plc (Ernest & Young), il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorità Bankarja Ewropea. Fl-ittra qed issir talba biex l-MFSA tħalli lil dawk il-klijenti li mhux jiġu investigati jkollhom aċċess immedjat għall-kontijiet tagħhom. S’issa l-aċċess huwa wieħed ikkontrollat hekk kif ħabret l-MFSA ftit tal-jiem ilu, iżda dan għadu mhux biżżejjed.  Fl-ittra huma jisħqu li jifhmu li l-azzjoni li ħadet l-Awtorità kienet waħda li kien hemm bżonn biex tissalvagwardja s-servizzi finanzjarji. Huma jappellaw biex l-Awtorità ma tadottax “one size fits all” iżda tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-klijenti li mhux jiġu investigati.

Huma qed jitolbu wkoll li ttieħed azzjoni immedjata biex tipproteġi d-drittijiet ta’ dawk li għandhom kont mal-bank u li għandu jkollhom aċċess għall-kontijiet bankarji.

Meta xi ħadd li mhux Malti jipprova jiftaħ kont bankarju…

L-ittra tirreferi wkoll għad-diffikultajiet li dawk li mhux Maltin isibu ma’ wiċċhom meta jiġu biex jiftħu kont bankarju f’Malta. Fl- ittra miftuħa saret talba biex l-awtoritajiet jintervjenu fis-settur bankarju lokali biex il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji għall-klijenti barra minn Malta issir fi ħin raġonevoli.

Trimboli saħaq li filwaqt huwa rnexxillu jiftaħ kont ma’ bank lokali, meta jikkumpara s-servizzi f’Malta ma’ dawk ta’ barra huwa jista’ biss jilmenta. Tkellem ukoll fuq is-sitwazzjoni ta’ dawk il-klijenti ta’ Satabank li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea u li ma għandhomx kont fl-UE.  Iddeskriva s-sitwazzjoni tagħhom bħala ħmar illejl u saħaq li jispera li l-banek lokali jagħmilhom iktar faċli jiftħu kont bankarju. Huwa tkellem ukoll fuq l-idea li dawk li jkunu qegħdin bin-negozju f’Malta, l-awtoritajiet għandhom jieħu inkunsiderazzjoni l-idea li dawn jitħallew ikollhom kontijiet f’kwalunkwe stat Ewropew u saħaq fuq il-fatt li ngħixu f’Unjoni.