Assigurazzjoni tal-President li n-Niġerja ma tkunx Islamizzata

Il-President Niġerjan Muhammadu Buhari

Il-President Niġerjan, Muhammadu Buhari qal lill-Isqfijiet Kattoliċi tal-pajjiż li kienu qed jiltaqgħu f’konferenza, li ma kien hemm ebda pjan biex il-pajjiż ikun Islamizzat. Anzi esprima diżappunt li din il-propaganda ġejja minn barranin, kienet qed tkun emmnuta mill-Knisja.

In-Nġerja hi pajjiż b’aktar minn 190 miljun persuna u hi maqsuma kważi l-istess bejn Insara li jgħixu fin-nofsinjar tal-pajjiż u Musulmani li jgħixu fit-Tramuntana. Fil-pajjiż qed tikber it-tensjoni kemm minħabba l-inkwiet maħluq mill-Bako Haram  kif ukoll mill-attakki tal-Fulani Misilmin fuq bdiewa u raħħala nsara.

Fil-messaġġ tiegħu lill-Isqfijiet, il-President qal li n-nies qed jużaw dawn il-konflitti u l-introduzzjoni tal-Liġi tas-Sharia fl-istati Musulmani u l-fatt li n-Niġerja hi membru tal-Organiżazzjoni tal-Konferenzi Islamiċi, biex imexxu propaganda li l-Gvern tiegħu kien se jislamizza l-pajjiż. Sostna li din hi propaganda mmexxija minn ‘sharks’ li qed ifittxu vantaġġ politiku.

L-Arċisqof Augustine Akubueze, President tal-Konferenza Episkopali tan-Niġerja qal li l-politiċi qed jużaw ir-reliġjon biex jifirdu l-poplu u sostna li l-pajjiż jista’ biss jegħleb l-isfidi soċjali u ekonomiċi li  qed jiffaċċja jekk id-diversità reliġjuża u etnika tintuża għall-ġid komuni.

“Inwissu lill-politiċi li qed jinstigaw il-mibegħa u l-firda billi jużaw ir-reliġjon u l-etniċità, biex jieqfu milli jagħmlu dan immedjatament. Lil dawn il-politiċi ngħidulhom: ieqfu mill-qerq tagħkom. Qed tisirqulna flusna u taljenawna bir-reliġjon.”

It-tensjoni reliġjuża fin-Niġerja ilha ġejja mit-twelid tal-pajjiż. Il-pajjiż twaqqaf fl-1914 mill-kolonjalisti Ngliżi li għal skopijiet amministrattivi għaqqdu t-tramuntana bl-Islamiċi man-nofsinhar bl-Insara.

Fil-messaġġ tiegħu lill-Isqfijiet, il-Prsident Buhari qal li “minħabba ċ-ċirkostanzi kif sirna pajjiż, is-suspetti bażati fuq ir-reliġjon kważi qerdu t-tessut tal-għaqda u l-imħabba li għandhom jgħaqqduna.”

Sa minn meta kien elett, il-President Buhari pprova jżomm lura minn din ir-retorika u appella lill-Knisja, partikolarment lill-Isqfijiet kattoliċi biex jieqfu kontra din il-propaganda qarrieqa u jaħdmu lejn għaqda nazzjonali.

“Fl-egħluq tal-Konferenza tagħkom inħeġġiġkom biex tmorru fil-parroċċi tagħkom u tippreidkaw messaġġ ta’ tama, rikonċiljazzjoni u paċi,” qal lil-President lill-Isqfijiet.

Appelli oħra għall-għaqda fil-Knisja, fil-pajjiż u l-istat saru wkoll mis-Sultan Alhaji Sa’ad Abubakar III. F’indirizz lill-Isqfijiet kattoliċi li għamlulu żjara ta’ kortesija fil-bidu tal-laqgħa tagħhom is-Sultan ammetta li l-akbar sfida tiegħu dejjem kienet li jassoċja ruħu mal mexxejja ta’ reliġjonijiet oħra, barra dik Islamika.