Assiguraw li l-ekonomija ma tinfetaħx b’mod prematur – MFPA

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali (MFPA) appellat lill-awtoritajiet biex jaraw li l-ekonomija ma tinfetaħx b’mod prematur fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija l-MFPA rringrazzjat lill-awtoritajiet tas-saħħa għax-xogħol tajjeb li għamlu biex jaraw li jkun hemm firxa minima tal-coronavirus f’Malta. Qalet li tifhem li saru sagrifiċċji fuq livelli personali u ekonomiċi.

Temmen li biex wieħed ikollu ekonomija f’saħħitha n-nies li qed jaħdmu wkoll għandhom ikunu f’saħħithom.

“Għalhekk, issa li l-pajjiż mexa lejn it-tieni fażi fil-kontroll tal-kriżi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li l-attivitajiet intiżi biex terġa’ tinfetaħ l-ekonomija mhumiex introdotti b’mod prematur u li ma jaħdmux kontra l-inizzjattivi tas-saħħa pubblika li ġew implementati b’suċċess sal-lum,” qalet l-MFPA.

Saħqet li dan għandu jsir billi jsir assessjar tar-riskji b’mod kontinwu.

Qalet li huwa importanti li n-nies isegwu l-pariri riċerkati u informati tal-professjonisti tas-saħħa.

L-MFPA appellat lill-awtoritajiet biex isaħħu d-djalogu tagħhom mal-organizzazzjonijiet biex id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-aħjar interess tal-pubbliku. Qalet li huwa importanti li l-pubbliku jirċievi messaġġ wieħed b’saħħtu mill-awtoritajiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn