Assassinju DCG: Titkellem il-whistleblower Russa

Il-whistleblower Russa li kienet ħadmet id f’id mal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tkellmet ma’ The Sunday Times of Malta u qalet li kienet Caruana Galizia stess li talbitha “taħrab” mill-pajjiż.
Il-whistleblower, li kienet eksimpjegata ta’ Pilatus Bank, kienet qalet li rat dokumenti li fihom kien hemm imniżżel isem Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, bħala s-sid tal-kumpanija Egrant fil-Panama. Il-Prim Ministru u martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Meta kellha tidher quddiem il-Qorti f’Ġunju li għadda, kien sar magħruf li l-whistleblower kienet ħalliet il-pajjiż flimkien mal-familja tagħha u minn dakinhar qatt iżjed ma nstema’ xejn dwarha.
Hija kienet infurmat il-Qorti li għamlet dan minħabba l-intimidazzjonijiet li kienu qed jirċievu l-familja tagħha.
Iżda wara l-assassinju, il-whistleblower tkellmet ma’ The Sunday Times of Malta u qalet li Daphne Caruana Galizia kien missa semgħet mill-pariri tagħha stess u ħarbet ukoll mill-pajjiż.
“Daphne kienet dejjem tinkwieta fuq is-sigurtà tiegħi,” qalet il-whistleblower.
Kompliet tgħid mal-ġurnal li qed titlob lil Alla biex jagħti l-kuraġġ lil iben Daphne. “Alla jaf kollox u l-ġustizzja xi darba ssir.”
Daphna Caruana Galizia kienet allegat ukoll li $1 miljun kienu trasferiti lil Egrant mit-tifla tal-President tal-Azerbaijan Ilham Aliyev. Kienet ukoll ippubblikat dikjarazzjonijiet ta' trust li juru isem Michelle Muscat bħala s-sid benefiċċjarju ta' Egrant.
Dwar dawn l-allegazzjonijiet għadha għaddejja investigazzjoni maġisterjali li fiha diġà  kienu xehdu l-ġurnalista assassinata u l-whistleblower.