Assassinju Daphne: “Tippuntawx swaba’ lejn l-istituzzjonijiet”

Daniel Zerafa, Kunsillier Laburista ta’ Marsaxlokk, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-poplu Malti m’għandux jippunta swaba’ lejn l-istituzzjonijiet.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar li kien iddisgustat bir-rappurtaġġ tal-midja internazzjonali dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Zerafa stqarr li jaqbel mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li għażel li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-midja barranija. Anzi qal ukoll li Joseph Muscat wera biċ-ċar kif jimxi statista li jġib l-interess nazzjonali qabel dak partiġġjan.
Stat mafjuż?
Filwaqt li sostna li l-qtil ta’ DCG mhux aċċettabbli u appella għall-għaqda, Zerafa sostna li ma jaċċetta l-ebda disprezz lejn Malta, u rrefera għal dawk l-artikli fil-midja barranija, li fi kliemu “ġiet mitmugħha stejjer fittzji li rreferew għal Malta bħala stat mafjuż jew pajjiż li fih jirrenja t-terrur.” Fuq Facebook, Zerafa kien staqsa min huma dawn li jafu daqshekk dwar Malta u x’qed jiġri fil-pajjiż.
Il-ġimgħa li għaddiet, The Guardian, sit mir-Renju Unit li rebaħ diversi premjijiet fosthom għall-editorjali tiegħu, kiteb f’editorjal li minn dak li jaf dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, wieħed jista’ jifhem l-allegazzjoni li Caruana Galizia kienet qed taffaċċja “mafia state” u mhux demokrazija. The Guardian kiteb ukoll li Malta qed issir stat immexxi mill-kriminalità organizzata, li ma tiggvernax iżda tagħżel li teħles minn persuni problematiċi.
Waqt dimostrazzjoni organizzata mis-Soċjetà Ċivili, li sabet l-appoġġ kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista, wieħed mill-kelliema, Michael Briguglio, ukoll iddeskriva lil Malta bħala “Mafia State”.
Waqt l-istess dimostrazzjoni, strixxuni li ttellgħu fid-daħla tal-Belt li kienu jġibu l-istess kliem, “Mafia State”, tneħħew minn uffiċjali tal-pulizija. Dawn reġgħu tpoġġew ftit wara.
Bħalissa, f’Malta hawn ukoll membri mill-Kummissjoni Taljana Kontra l-Mafja, li attendew ukoll għall-Quddiesa li saret għal ruħ Caruana Galizia, f’għeluq il-ġimgħa minn meta ġiet assassinata.
Biża’ jew stabbiltà?
Skont Zerafa, f’Malta ma teżisti l-ebda biża’ fost il-poplu u jgħid li n-nies għadhom ħielsa li jiktbu u jitkellmu dwar kollox. Qal li dan kollu huwa l-mertu ta’ Gvern stabbli u progressiv.
Madanakollu, mhumiex tal-istess fehma diversi għaqdiet u entitajiet madwar id-dinja, fosthom in-Nazzjonijiet Magħquda, li esperti indipendenti tagħha fi ħdan l-Uffiċċju tad-Drittijiet Umani, appellaw lill-Gvern Malti l-ġimgħa li għaddiet biex jipproteġi l-ġurnalisti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sejjaħ l-assassinju ta’ DCG bħala “qtil politiku”. Qal ukoll li f’Malta kkollassat għalkollox is-saltna tad-dritt.
Il-ġimgħa li għaddiet, żagħżugħ ingħata sentenza sospiża wara li hedded lill-Membru Parlamentari Marlene Farrugia.
Zerafa saħaq li huwa ovvju li jiġru affarijiet hżiena f’Malta għaliex il-pajjiż jinsab bejn tliet kontinenti distabilizzati. Fi kliem Zerafa, dan huwa t-tort tal-midja barranija, li l-Gvernijiet tagħhom jibagħtu armati, missili, u ajruplani biex jibbumbardjaw il-pajjiżi ġirien ta’ Malta.
Il-ġurnal The New York Times, ġurnal li rebaħ diversi premjijiet, kiteb fl-editorjal tiegħu li d-demokrazija f’Malta ġiet kompromessa qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Blogger jew ġurnalista kbira?
Mistoqsi dwar jekk il-Kunsillier iqisx lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista jew blogger, huwa qal li lilha kien jafha biss mill-bloggs. Fi kliemu, ġurnalist irid ifittex l-evidenza mis-sorsi u jara li jivverifika b’sors ieħor qabel jippubblika aħbar. Skont Zerafa, blogger jikteb li jixtieq bla spag fuq li jrid.
Dan jikkuntrasta ma’ dak li qal aktar kmieni llum, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, li ddeskrivieha bħala mara kuraġġuża u ġurnalista kbira. Saħaq li hi fehmet sew l-essenza ta' din il-professjoni: li tinvestiga l-verità, fuq il-fatti, bla ma tħares lejn wiċċ ħadd. Skontu, ma beżgħetx taqdi dmirha sal-aħħar, bil-koerenza.
Il-kumment sħiħ ta' Daniel Zerafa: