Assassinju DCG: “Seħħ minħabba l-kultura li bil-flus tirranġa kollox” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia seħħ għax fil-pajjiż hawn kultura li bil-flus tista’ tirranġa kollox.
Żied jgħid li l-Gvern daħħal it-twemmin li jekk l-ekonomija tkun sejra tajjeb, mela l-bqija m’hemmx għalfejn ninkwetaw dwaru.
Waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament dalgħodu, imdawwar bi ftit Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Delia ġab b’eżempju missier li flimkien ma’ ibnu għandu negozju u sejrin tajjeb.
Lill-missier jgħidulu kemm-il darba li ibnu qabad it-triq tad-droga, iżda għax in-negozju sejjer tajjeb u ibnu dejjem idaħħal xi karozza ġdida, mela l-missier ma jinkwetax.
Delia staqsa min kellu jerfa’ r-responsabbiltà, meta lill-missier marru jgħidulu li ibnu miet b’overdose.
Hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni fiehem xi jrid jgħid biha l-Partit Nazzjonalista meta jsejjaħ dan il-qtil bħala wieħed politiku: “Il-Gvern xogħlu mhux biss li jmexxi ’l-ekonomija, iżda li jara mnejn ġejjin il-flus, mhux jattira l-investiment biss, imma jara x’tip ta’ investiment qed jattira, mhux li jinfetħu l-banek biss imma xi flus qed jaħbu dawn il-banek, għaliex ġew Malta u għalxiex infetħu”, żied Delia.
Temm jgħid li wieħed irid jifhem x’jiġifieri terfa’ r-responsabbiltà jekk ikun qed imexxi pajjiż.