Assassinju DCG: “Qtil politiku; assalt fuq id-demokrazija” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li fil-pajjiż hawn responsabiltajiet legali u politiċi. Qal li Daphne Caruana Galizia ma kinitx persuna kwalunkwe iżda kellha impatt fuq is-soċjeta' Maltija. Dr. Delia qal li ilu ġimgħat sħaħ jgħid li mhux qed ngħixu f’pajjiż normali. Qal li dak li seħħ illum ma nistgħux narawh x’perspettiva li seħħet illum stess. Qal li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ilhom 4 snin u nofs jitmermru. Qal li dak li seħħ illum huwa konsegwenza ta’ ħafna deċiżjonijiet li seħħu matul dawn l-aħħar snin.
Dr. Delia sejjaħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħala qtil politiku li għalih trid tintrefa ir-responsabilita’ politika.
Qal li din hija traġedja nazzjonali, assalt fuq id-demokrazija. Qal li sfortunatament qed nitgħallmu bl-iktar mod tan-niket u viljakk għax mietet persuna Maltija li kellha opinjoni u li riedet iġġib il-verita’ il-quddiem. Qal li l-pajjiż naqas meta l-korp tal-pulizija ma investigax, qal li nqassna meta l-Avukat Ġenerali ma nvestigax. Qal li dan sar minħabba deċizjonijiet zbaljati tal-Gvern.
Huwa sejjaħ lill-Maltin biex iqumu illum qabel għada biex isemmghu leħinhom fejn il-Gvern irid jibqa’ sieket.