​Assassinju DCG: Manifestazzjoni siekta fi Brussell

Fi Brussell illejla saret manifestazzjoni siekta b’rispett għall-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Għall-attività organizzata minn ħbieb tal-qraba tal-vittma quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Ġurnalisti fir-Residence Palace, ħadu sehem għadd ta’ Ewroparlamentari Maltin u persuni oħra li jaħdmu f’din il-belt.
Il-messaġġ fl-istedina għall-manifestazzjoni kien jgħid: “Ejjew insikktu leħinna b’rispett lejn min ma jiskott qatt minkejja l-vjolenza li tintuża kontrih.”
Fost dawk li nġabru fis-skiet kien hemm il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella, l-ambaxxatur Ray Azzopardi, ir-Rapprezentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, Marlene Bonnici, u l-Ewroparlamentari Roberta Metsola, David Casa, Francis Zammit Dimech u Miriam Dalli. 
Uħud poġġew xemgħat u oħrajn ħallew il-fjuri b’sinjal ta’ rispett lejn il-ġurnalista assassinata.