Assassinju DCG: L-OSCE kienet talbet lill-Gvern biex jipproteġiha

Fi Frar li għadda, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) kienet talbet lill-awtoritajiet Maltini biex jipproteġu lil Daphne Caruana Galizia u jħarsu l-ġurnaliżmu kritiku u l-libertà tal-espressjoni f’Malta.
Dan wara li Chris Cardona, dak iż-żmien ukoll Ministru għall-Ekonomija, kien talab lill-Qorti biex tiffriża l-assi tal-ġurnalista Caruana Galizia wara li kienet allegat li hu kien żar il-burdell FKK Acapulco waqt żjara li kien qed jagħmel il-Ġermanja f’isem il-Gvern.
L-OSCE fakkret dan fi stqarrija maħruġa wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Hija qalet li tkellmet mal-Prim Ministru Joseph Muscat u se tkun qed issegwi mill-qrib l-investigazzjonijiet dwar dan l-assassinju.
Fi stqarrija, ir-Rappreżentant tal-OSCE għal-libertà tal-espressjoni, Harlem Désir, esprima x-xokk u fl-istess waqt ir-rabja għall-qtil brutali tal-ġurnalista u ħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin biex iwettqu investigazzjoni trasparenti dwar dan l-assassinju.
Désir iddeskriva lil Caruana Galizia bħala ġurnalista eċċellenti u li ħadmet bla mistrieħ biex tiżvela stejjer li n-nies għandha dritt li tkun taf.
“Mhux familtha biss, imma s-soċjetà kollha għandha d-dritt tkun taf minn hu responsabbli għal mewtha,” temm jgħid Désir.