Assassinju DCG: L-MPEs Laburisti jistennew li l-investigazzjoni titmexxa bil-qawwa

Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MPEs) Alfred Sant, Miriam Dalli, u Marlene Mizzi qalu li jistennew li l-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jitmexxew bl-akbar qawwa u bir-riżorsi kollha possibbli biex il-kriminali nvoluti jinqabdu malajr kemm jista’ jkun u biex issir ġustizzja.
Id-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew qalet li tikkundanna b’qawwa u bla riżervi l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-MPEs qalu li dan kien “qtil li jattakka l-libertà tal-kelma, prinċipju li bħala poplu tant ħdimna għalih.” Saħqu li l-ġurnalisti għandhom ikollhom il-ħelsien li għandu jkollhom il-ġurnalisti biex iwettqu l-ħidma tagħhom bla xkiel u biża’.
It-tliet MPEs qalu li jilqgħu l-impenn tal-awtoritajiet Maltin li saħansitra sejħu għall-għajnuna ta’ forzi tal-ordni esperti minn pajjiżi oħra biex jgħinu fl-investigazzjoni.
Sant, Dalli, u Mizzi temmew jgħidu li fi żmien bħal dan jemmnu li l-poplu kollu għandu jibqa’ magħqud f’kundanna lejn dan l-aġir kriminali u f’rispett sħiħ lejn il-valuri tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt
Id-delegazzjoni tat il-kondoljanzi profondi tagħha lill-membri kollha tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.