Assassinju DCG: L-Arċisqof b’messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin

L-Arċisqof Charles Scicluna staqsa kemm verament f’Malta l-libertà tal-espressjoni hija rispettata jew inkella tidhirx biss sabiħa fil-kliem u miktuba fuq biċċa karta.
Waqt il-kummentarju tiegħu fuq RTK, l-Arċisqof sostna li “llum saħansitra tista’ tkasbar lil Alla għax għandna l-libertà sħiħa u bla limiti, iżda mbagħad min jitkellem nisploduh”.
Kompla jgħid li ”Allaħares din tibda tkun ir-risposta ta’ bejnietna meta ma naqblux”.
Monsinjur Scicluna sellem lill-qraba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nhar it-Tnejn li għadda ġiet assassinata fi Triq il-Bidnija. Wera kundanna bla riservi għal min wettaq jew ordna li jitwettaq “dan l-att barbaru”.
“Kulħadd għandu ċans li jitlob maħfra,” qal l-Arċisqof. “Imma d-dejn mal-ġustizzja, kemm tal-bniedem kif ukoll ta' Alla ma nistgħux naħarbuh.”
L-Arċisqof sellem ukoll lill-ġurnalisti kollha u ħeġġiġhom biex ma jkunux skjavi ta’ min iħallashom iżda jkunu qaddejja tal-verità.
Saħaq li l-poplu għandu bżonn lill-ġurnalist biex ikun ħieles.
Ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex fl-investigazzjonijiet li jwettqu ma jkunux leali biss lejn il-partit iżda fuq kollox lejn il-ġid komuni u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
“Ma nistgħux nibqgħu ngħidu lill-ġurnalisti: ‘din l-informazzjoni mhux se nagħtihielek għax hija sensittiva,” saħaq l-Arċisqof.
Iddeskriva umiljanti meta minn qiegħed fl-awtorità imur il-Parlament juri kuntratti “mimlija bil-linka sewda.”
“Ma jistax ikun li fil-pajjiż ma jkollniex il-kontabilità u t-trasparenza,” saħaq l-Arċisqof. “Bil-kliem u fuq il-billboards għandna ħafna… imma rriduha bil-fatti.”
Monsinjur Scicluna kien kritiku wkoll tal-istudenti tal-Università li ftit biss minnhom attendew għall-manifestazzjoni li saret fuq il-kampus biex isellmu lil Daphne Caruana Galizia u għall-protezzjoni tal-libertà tal-kelma.
Staqsa jekk l-istudenti Universitarji hux qegħdin l-Università għal biċċa karta li tidher sabiħa fuq CV, jew inkella humiex żgħażagħ li jaħdmu bil-ħiliet kollha tagħhom biex għada pitgħada jmexxu l-pajjiż.
“Jien l-Università nafha differenti. Konna niġġieldu għad-drittijiet tagħna u għal-libertà tal-pajjiż,” saħaq l-Arċisqof.
Temm jgħid li dan mhux il-mument li nkunu mwerwra, imma nwerwru lil min qed jipprova jwerwirna.
Segwi l-programm sħiħ hawn.