​Assassinju DCG: Kliem iebes fl-editorjali tal-lum

Kliem iebes ta’ kundanna u sens ta’ xokk  ikkaratterizzaw il-ħafna reazzjonijiet tal-editorjali tal-ġurnali Maltin għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ilbieraħ it-Tnejn 16 ta’ Ottubru.
L-editorjal tal-gazzetta In-Nazzjon qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lbieraħ hu l-konsegwenza ta’ fejn ġab lill-pajjiżna Joseph Muscat: “pajjiż fejn il-korrotti jirrenjaw u min jikxifhom jinqatel.” Iddeskriva l-assassinju wkoll bħala “l-akbar qtil politiku”. Il-gazzetta tgħid li Muscat nawwar il-ġustizzja. Mhux ta’ b’xejn, tgħid in-Nazzjon, li l-Prim Imħallef qal li ma tistax issib ġustizzja. L-editorjal ikkonkluda billi qal li għalkemm ħafna jinsabu rrabjati, “ma nibżgħux, ma nisktux”.
Min-naħa l-oħra l-editorjal tal-gazzetta L-Orizzont qal li mal-valuri tal-ħajja m’hemmx logħob. Il-gazzetta wara li  tfakkar li “l-kitba ta’ Caruana Galizia kienet meqjusa bħala waħda diviżiva, fejn jum wara jum għexieren ta’ persuni prominenti fil-qasam lokali kienu jispiċċaw fil-mira tagħha”, iżżid tgħid li dak li għamlulha “mhux aċċettabbli”. L-Orizzont tgħid ukoll li  dak li għaddiet minnu Caruana Galizia huwa “tebgħa sewda li se tibqa’ mniżżla fl-istorja ta’ pajjiżna”.
L-editorjal temm jgħid li “l-ħażin dejjem għandna nirreferu għalih bħala ħażin, u min iwettqu żgur li ma jkunx irid li xi ħadd jikxiflu għawwaru”.
Il-gazzetta The Malta Independent semmiet l-editorjal tagħha bit-titlu “Ġurnata sewda għal Malta” u lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista 'bla biża”.  L-editorjal fakkar li madwar 11-il sena ilu kien sar attentat ieħor fuq Caruana Galizia, fejn kienu nħarqu numru ta’ tyres tal-karozzi mal-bieb tad-dar tagħha. L-editorjal żied jgħid li s-sopravivenza tad-demokrazija tiddependi fuq kull wieħed u waħda minna. “L-ispirtu tagħħa għandu jibqa’ jgħammar fina”.
It-titlu tal-editorjal tat-Times of Malta li jibda mill-faċċata, iġib it-titlu Il-jum li fih mietet il-mużika. Huwa ddeskriva l-assassinju fuq Caruana Galizia bħala “att terroristiku” u ġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-qtil sar ġurnata wara mill-anniversarju ta’ meta ġiet maħruqa l-binja tat-Times of Malta fil-Belt Valletta fl-1979 minn “kriminali soċjalisti”.
Bħal ħafna mill-gazzetti, l-editorjal qal li dan kien attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa.
Temm jgħid li għalkemm il-karozzi bombi huma normalment deskritti bħala atti kodardi, dan ma kienx il-każ. “Dawn huma nies iddisprati li għandhom ħafna x’jitilfu. Dan il-pajjiż issa għandu jassigura li dawn l-istess nies jitilfu kollox”. 
L-editorjal ikkonkluda bis-sentenza: Aħna jeħtieġ li nkomplu x-xogħol li bdiet hi.