Assassinju DCG: Karozza suspettuża tista’ tgħin fl-investigazzjoni

Il-Pulizija qed tittratta karozza meqjusa suspettata bħala indikazzjoni ewlenija fl-investigazzjonijiet tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-ġurnal Times of Malta qed jirrapporta li din il-karozza kienet f’post partikolari li minnu setgħu jidhru sewwa l-inħawi fil-ħin tal-isplużjoni.
Ir-rapport jikkwota sorsi involuti fl-investigazzjoni, li jemmnu li jista’ jkun li din il-karozza intużat minn min qabbad il-bomba fil-karozza tal-ġurnalista.
It-triq li fiha kienet il-karozza tintuża spiss mill-muturi u persuni li jridu jqassru t-triq għall-Imġarr, u l-aktar għax tagħti għal skola indipendenti li minnha l-ġenituri jmorru jiġbru t-tfal.
Il-ħin tal-isplużjoni, fit-3pm, hu fil-fatt ħin komuni li minnha jgħaddu l-karozzi għal din l-iskola. Kienu diversi ġenituri li meta seħħ il-każ qalu ma’ Newsbook.com.mt li fi triqithom lura mill-iskola raw dħaħen kbar. Oħrajn li kienu ħdejn ir-Rotunda tal-Mosta, qalu wkoll li tant kienet kbira d-daħna li ħasbu li taret il-kamra tan-nar.
Sadanittant, il-post fejn intlemħet il-karozza ngħalaq għall-pubbliku, u traċċi bħall-filters tas-sigaretti qed jiġu eżaminati bir-reqqa għad-DNA.
“L-informazzjoni li semma l-Ministru mhix strumentali għall-investigazzjoni”
L-istess sorsi mewtu dak li qal il-Ministru għall-Intern ilbieraħ fil-Parlament. Dr Farrugia qal li l-Pulizija wasslitilha informazzjoni ġdida dwar il-każ, imma mat-Times, is-sorsi qalu li l-informazzjoni ma kinitx tali li se tgħin fl-investigazzjoni.
 “Messu tqabbad l-Eks Kummissarju Rizzo biex imexxi l-investigazzjoni”
Spikkat ukoll it-talba tal-ġuralist u preżentatur Peppi Azzopardi waqt intervista ma’ The Malta Independent, li qal li messu tqabbad l-eks-Kummissarju tal-Pulizija, John Rizzo, biex imexxi l-investigazzjoni, biex b’hekk il-pubbliku jkollu moħħu mistrieħ li kollox miexi taħt idejn tajba.
“Il-libelli kriminali jaqgħu”
Il-ġurnal ikkwota wkoll lill-Avukat Joe Zammit Maempel, li qal li l-libelli ċivili miftuħa kontra l-ġurnalista xorta jistgħu jibqgħu għaddejjin, iżda mhux dawk kriminali, ladarba xi ħadd miż-żewġ naħat ġie nieqes.
Qabel inqatlet, Caruana Galizia kienet qed taffaċċja 42 libell.
Sadanittant, it-triq li kienet magħluqa għal dawn l-aħħar ħamest ijiem, li ġiet infetħet mill-ġdid.
Ritratt: Ian Noel Pace