​Assassinju DCG: Ittra għall-edukaturi u l-ġenituri

L-għada tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, Ian Mifsud, bagħat ittra lill-edukaturi, mexxejja Edukattivi u lill-ġenituri kollha, bit-titlu: “Sinjal Traġiku.”
Mifsud qal li ħassu fid-dmir, bħala ċittadin, missier u edukatur, li jesprimi “l-gravità tas-sinjal li jfakkarna fir-responsabbilità kollettiva tagħna fil-formazzjoni tas-soċjetà tal-lum u ta’ għada.”
Fl-ittra, Mifsud fakkar li l-ġenituri jibqgħu l-edukaturi prinċipali iżda l-edukaturi għandhom professjoni unika li tista’ tinfluwenza l-fibra morali u soċjali tal-futur.
“Il-vokazzjoni tagħna mhux sempliċiment li nkunu għalliema ta’ suġġetti, iżda li nservu ta’ edukaturi tal-bnedmin,” saħaq Mifsud. Kien għalhekk li qal li l-formazzjoni għandha tinkludi l-aspetti kollha, fosthom dawk spiritwali, morali, emozzjonali, konjittivi u fiżiċi, u li kollox jibda mill-eżempju.
“Illum aħna nfakkru li t-trawwim ta’ ċittadinanza attiva li tgħożż il-valur tal-ħajja, imħabba u rispett ġenwin, huwa importanti daqs, jekk mhux aktar, milli nkebbsu fl-individwi impjegabbli, in-namra tat-tagħlim tul il-ħajja,” tisħaq l-ittra.
Id-Direttur Ġenerali fakkar lill-qarrejja li huma punt ta’ riferiment għaż-żgħażagħ u għalhekk għandhom jispiraw l-imħabba, kreattività u l-ħsieb kritiku li fi kliemu jwasslu għal soċjetà ġusta “anke bis-saħħa tal-libertà tal-espressjoni b’mod responsabbli.”
Tkellem ukoll bħala Nisrani u fakkar li l-essenza umana hija twajba u li dan għandu jirrifletti fil-prijoritajiet tal-bniedem, anke jekk dan ifisser sagrifiċċji personali.
Temm jappella lil kulħadd, irrispettivament mill-kulur politiku, li ġaladarba l-maġġoranza trid ġid ġenwin, allura dan għandu jkun manifestat fil-ħsibijiet, fid-diskors u fl-aġir biex dawn jintirtu għand l-ulied.
Ara hawn taħt l-ittra sħiħa.
Ritratt: Stephen Deguara