Assassinju DCG: Ir-raġel u l-iben jitħallew jistennew għalxejn il-Qorti

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera tard ilbieraħ filgħaxija bagħtet għar-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, Peter Caruana Galizia, u binhom, Matthew Caruana Galizia, u jidher li dawn tħallew jistennew fil-kurituri tal-Qorti għal ħin twil, sakemm intbagħtu lura d-dar.
Sorsi infurmati sewwa qalu lil Newsbook.com.mt li tard ilbieraħ filgħaxija l-avukati tal-familja Caruana Galizia talbu lill-assistenta tal-maġistrat biex jikkonfermaw kinitx se tisma’ jew le x-xhieda taż-żewġ membri tal-familja Caruana Galizia.
Jidher li wara ħafna ħin l-avukati ġew infurmati li l-maġistrat ma kinitx se tisma’ x-xhieda tagħhom dak il-ħin.
Il-familja Caruana Galizia qed jitolbu li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera toħroġ digriet u ma tmexxix l-inkjesta maġisterjali fil-każ tal-assassinju ta' ommhom.
L-avukati li qed jidhru għall-familja Caruana Galizia huma Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.