Assassinju DCG: “Illum nafu għalfejn ħarbet il-whistleblower Russa” – Busuttil

L-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, issa sar magħruf għaliex ħarbet il-whistleblower Russa li aktar kmieni din is-sena allegat li t-tielet kumpanija fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
Waqt diskors fil-Parlament f’isem Beppe Fenech Adami, li jinsab indispost minħabba intervent mediku żgħir, Simon Busuttil tkellem dwar l-iskandlu tal-Panama Papers u marbut miegħu “l-klima” li ħoloq il-Prim Ministru u li wasslet għall-assassinju ta’ Daphna Caruana Galizia.
“La ħelisha Keith Schembri għaliex m’għandix neħlisha jien ukoll?,” staqsa Simon Busuttil waqt li fakkar li kemm Schembri kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi ammettew dawn l-akkużi u għalhekk il-minimu kien li dawn ikunu investigati fuq ħasil ta’ flus.
"Ir-responsabbilità kollha taqa' f'ħoġor il-Prim Ministru"
Għalhekk, Dr Busuttil qal li r-responsabbilità kollha tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia taqa’ kollha f’ħoġor il-Prim Ministru li huwa hu responsabbli għal dak li jiġri fil-pajjiż.
Iddeskriva d-diskors tal-Prim Ministru nhar l-Erbgħa li għadda bħala ipokrita, ċiniku u manipulattiv.
Qal li l-Prim Ministru qed jipprova jfarfar ir-responsabbilità minn fuqu u qed jipprova jimmanipula l-opinjoni pubblika.
Insista li ħadd ma għandu jaħseb li l-Oppożizzjoni qed tgħid li wettaq l-assassinju l-Prim Ministru jew qabbad lil xi ħadd. “Alla ħares naħsbu hekk,” qal Dr Busuttil.
Saħaq iżda li kienu d-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru, il-mod kif immina l-Korp tal-Pulizija, l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, u l-mentalità korrotta li daħħal, li waslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Dan kien assassinju politiku. Daphne Caruana Galizia ma nqatlitx għax iġġieldet ma’ tal-grocer,” saħaq Busuttil.
Kompla jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jitlaq sentejn oħra “biex mingħalih” jilħaq President tal-Kunsill Ewropew, imma qal li lanqas jixraqlu jissejjaħ aktar Prim Ministru aħseb u ara kemm iriduh fl-Unjoni Ewropea.
"Wara l-konferenza tal-bieraħ ukoll imissu jirreżenja l-Kummissarju"
Tkellem fid-dettall fuq il-ħames kummissarji tal-Pulizija f’erba’ snin u insista li dan kollu juri kemm il-Gvern jimmina l-Korp tal-Pulizija biex ma jiħux passi, għax fi kliemu Joseph Muscat kien jaf x’qed jagħmlu Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Dwar il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li jmissu ilu li rriżenja u jmissu għamel dan aktar u aktar ilbieraħ wara l-konferenza.
Iddeskrivih iżjed minn darba bħala “inkompetenti” u “pupazz.”
Staqsa wkoll x’qiegħed jagħmel id-Deputat Kummissarju, Silvio Valletta, fl-investigazzjoni ġaladarba huwa r-raġel ta’ Ministru.
"Daphne Caruana Galizia ħolqot diffikultajiet anke għalija…imma kont nammiraha"
Tkellem ukoll dwar l-Avukat Ġenerali u insista li minkejja li kien poġġih fil-kariga l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, ġaladarba ma għamel xejn, għandu jitlaq.
Dwar Daphne Caruana Galizia, Simon Busuttil qal li anke hu mhux dejjem qabel mal-pinna tagħha, iżda li hi kienet tirrappreżenta ħafna mill-valuri u l-prinċipji li jemmen fihom hu.
Fakkar li anke għalih ħolqot diffikultajiet meta kitbet li kellu jkeċċi lil Mario de Marco minn Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, iżda saħaq li dejjem ammira l-fatt li kienet tuża l-libertà tal-espressjoni.
“Imma kont inħoss li kienet tissielet għal dan id-dritt,” qal Busuttil. “Għalhekk hija tibqa’ simbolu tal-libertà tal-espressjoni.”
"Jekk nibqgħu siekta, Daphne tkun mietet għalxejn"
F’diskors, li kemm-il darba ġie interrott mid-Deputati Glenn Bedingfield u Silvio Parnis, Simon Busuttil qal li issa għandu dubju sejru kemm il-pajjiż jista’ joħroġ mill-isqaq li daħħlu fih il-Gvern u insista li wara nhar it-Tnejn, xejn mhux se jibqa’ l-istess.
Temm b'appell biex il-poplu jqum u jitkellem, għax fi kliemu, jekk ma jagħmilx hekk Daphne tkun mietet għalxejn.