Il-Qorti taċċetta li tipproteġi s-sorsi kollha ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Maġistrat Inkwirenti li qed jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia laqa’ t-talba tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex is-sorsi ta’ Daphne Caruana Galizia jkunu protetti.
Waqt dimostrazzjoni li kien organizza, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien ressaq rikors quddiem il-Qorti biex ikunu protetti mhux biss dawk is-sorsi li taw informazzjoni li Daphne Caruana Galizia għal stejjer li ppubblikat, iżda anke għal stejjer li setgħet kienet qed taħdem fuqhom.
Din l-informazzjoni kunfidenzjali tinkludi wkoll kull element li jista’ jikxef sors miġbur minn kompjuter, telefowns, u apparat diġitali ieħor.
L-edituri kollha tal-midja lokali, fosthom ta' Newsbook.com.mt, kienu appoġġjaw dan ir-rikors.