MPEs jitolbu r-riżenja tal-PM

 

Illum il-Parlament Ewropew iddiskuta l-libertà tal-espressjoni f’Malta u spikka t-tħassib ta' diversi Membri Parlamentari Ewropej, minn gruppi differenti, dwar is-saltna tad-dritt f'Malta.

Uħud minnhom saħansitra talbu għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u anke biex issir investigazzjoni dwar is-Saltna tad-Dritt f'Malta.
Id-dibattitu ddiskuta wkoll l-importanza li l-ġurnalisti jkunu protetti biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom.
Kien il-Partit Popolari Ewropew li talab li ssir id-diskussjoni ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex jassigura li ssir investigazzjoni internazzjonali u indipendenti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Ara hawn xi ntqal waqt id-dibattitu:

19:37: Mill-ġdid, Frans Timmermans qal li jeħtieġ li "inkompli fuq dak li bdiet Daphne Caruana Galizia" u li dan jibda b’investigazzjoni sħiħa fuq l-assassinju. Assigura lill-MPEs, li jekk mill-investigazzjoni joħorġu kwistjonijiet li jinterresaw lill-Kummissjoni, allura se tkun qed terfa’ r-responsabbilità tagħha. Qal li l-effett ta' dan "l-att barbaru" huwa li n-nies tibża' u ħeġġeġ lil kulħadd biex ma jkunx intimidat minn dan l-att. Saħaq li l-Kummissjoni se tagħmel dak kollu possibbli biex ma tirrenjax il-biża', għax fi kliemu dan hu li jixtieq minn wettaq dan l-attakk.
 
19:34: Iżjed Membri Parlamentari, fosthom Ignazio Corrao mill-EFDD u Mario Borghezino mill-ENF, urew it-tħassib tagħhom għas-sitwazzjoni f'Malta u għax fi kliemhom il-Kummissjoni Ewropea ma għamlet xejn.  “Nittama li l-ħajja ta’ Daphne tkun l-aħħar waħda li tintilef,” qal Georgio Epitideios mill-NI, li wkoll tkellem favur mekkaniżmu li jassigura protezzjoni għall-ġurnalisti.

19:31: Sven Giegold mill-Verts/ALE qal li s-sovranità ta’ Malta nbiegħet. Tkellem dwar il-bejgħ tal-passaporti, kumpaniji li jħallsu ftit taxxi, u logħob tal-ażżard onlajn. Fost oħrajn qali li għandu jkun hemm investigatur li jinvestiga s-sitwazzjoni f’Malta u anke li jkun hemm investigazzjoni fuq is-Saltna tad-Dritt fil-pajjiż. Kompla jgħid li huwa ċar li minn wettaq l-attakk, għażel li jpoġġi l-bomba mhux taħt il-karozza tal-Kummissarju tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali, imma taħt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Qal li għandhom immedjatament jittieħdu dawn l-erba' passi konkreti:

  • Għandu jkun hemm investigatur internazzjonali li jinvestiga allegazzjonijiet ta' ħasil ta' flus f'Malta
  • Issir pressjoni biex jirriżenja l-Prim Ministru u l-Gvern Malti
  • Il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga s-Saltna tad-Dritt f'Malta
  • Ikun hemm premju għall-ġurnaliżmu investigattiv li jġib l-isem ta' Daphne Caruana Galizia

19:27 Miguel Urban Crespo, mill-GUE/ALE tkellem dwar l-importanza li l-ġurnalisti jkunu protetti biex l-Unjoni Ewropea ma tkunx kompliċi fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

19:24: Tkellmet ukoll Sophia IN ‘T Veld mill-ALDE, li qalet li l-korruzzjoni hija problema tal-Ewropa kollha u għalhekk hemm bżonn investigazzjoni mhux biss f’Malta, imma wkoll fl-Ewropa kollha. Minkejja dan appellat lill-Gvern Malti biex iwieġeb fuq l-aħħar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li għamlet Daphne Caruana Galizia u li l-entititajiet kollha Ewropej responsabbli għandhom jinvestigaw is-sitwazzjoni f’Malta. "Hemm bżonn inkomplu fejn ħalliet hi."

19:21: Monica Macovei mill-ECR, saħqet li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirreżenja. Qalet li Daphne Caruana Galizia nqatlet għax tkellmet kontra l-korruzzjoni, anke dik f’Malta. Qalet li l-korruzzjoni qed tispiċċa protetta “b’ħajt tal-ħadid,” għax min jitkellem kontra l-korruzzjoni qed jispiċċa ħażin.

19:17: Gianni Pitella mill-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi qal li meta ra r-ritratti ta’ dak li seħħ f’Malta, ftakar fl-assassinju tal-Imħallfin Taljani Falcone u Borsellini. Ikkritika lil min jgħid li l-Unjoni Ewropea qatt ma għamlet xejn u fakkar fil-Kumitat Pana li wkoll kien ta’ widen lil Daphne Caruana Galizia fuq il-Panama Papers, il-ħasil tal-flus u t-tax havens. Appella biex il-ġurnalisti jkunu protetti biex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar u mingħajr biża'. 

19:14: Min-naħa tiegħu, Esteban González Pons mill-Partit Popolari Ewropew, qal li l-Gvern ta’ Malta kellu jiddefendi lill-ġurnalista u lill-familja tagħha iżda dan ma seħħx. Qal li dan l-assassinju huwa “dell ikrah fuq l-Unjoni Ewropea kollha” u għalhekk saħaq li l-Unjoni Ewropea ma tibqax tibqa’ siekta. Saħaq li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga s-Saltna tad-Dritt f’Malta. Qal li Daphne mietet bi 42 każ kontriha u mingħajr aċċess għall-kont tal-bank,

19:10: Frans Timmermans qal li huwa dmir tal-istat Malti li jinvestiga dan il-każ u li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Maltin għandhom iżommu mal-wiegħda tagħhom li ssir ġustizzja. “Malta trid turi lid-dinja u lill-Ewropa li r-regoli huma b’saħħithom, qal Timmermans. “Għajnejn kulħadd jinsabu fuq Malta.”

19:07: Min-naħa tiegħu, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, qabel mal-President tal-Parlament Ewropew li jkun hemm investigazzjoni fonda internazzjonali dwar dan il-każ u saħaq li ma’ dan jaqbel ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-Kummissjoni kollha. Iddeskriva l-ġurnaliżmu bħala xogħol meħtieġ għax fi kliemu jwettaq skrutinju fuq dawk fl-awtorità. Tkellem dwar it-tixrid tal-aħbarijiet foloz u qal li l-ġurnalist huwa bżonnjuż biex ipoġġu l-fatti fuq quddiem. 

19:03: Fetaħ id-dibattitu, Matti Maasikas li pajjiżu, l-Estonja, għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Huwa beda billi wera s-solidarjetà tiegħu mal-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia u anke r-rabja tiegħu għal dan “l-att barbaru” u saħaq li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ siekta quddiem dan il-każ. “Li nippruvaw nagħlqu ħalq il-ġurnalisti mhu aċċettabbli mkien.” Huwa ħeġġeġ lill-Awtoritajiet Maltin biex jagħmlu l-almu tagħhom biex issir ġustizza u offra l-għajnuna tal-Estonja fl-investigazzjonijiet.

19:00: Il-Parlament Ewropew jibda jiddiskuti l-libertà tal-kelma f'Malta u l-protezzjoni tal-ġurnalisti wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

X'ġara dalgħodu?

Dalgħodu, il-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia kienu preżenti fil-Parlament Ewropew wara li laqgħu l-istedina tal-President Antonio Tajani.
Wara li l-Parlament Ewropew sellem il-memorja tal-ġurnalista assassinata, b’minuta silenzju, Antonio Tajani tkellem dwar dan l-assassinju u saħaq li dan ma għandux jibqa’ għaddej b’impunità.
Appella mill-ġdid għal investigazzjoni internazzjonali u biex l-Awtoritajiet Maltin jagħmlu minn kollox biex jitfgħu dawl fuq dan l-assassinju.
“L-eżempju li tatna Daphne qatt m'għandna ninsewh,” saħaq Tajani.
Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornakom kontinwament b’dak li se jkun qed isir f’dan id-dibattitu.