Assassinju DCG: “Il-PM ma jridx jirrikonoxxi l-kriżi fl-istituzzjonijiet” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jirrifjuta li jirrikonoxxi l-kriżi fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, u li jindirizza l-kriżi b’ċertu deċiżjonijiet.
Waqt li kien qed jindirizza lill-membri tal-Kumitati Sezzjonali waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali, Delia fakkar li sa mill-bidu nett wara dak li fi kliemu kien qtil politiku, insista li Muscat jerfa’ r-responsabbiltà li t-tmexxija tiegħu wasslet għal kriżi fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, mill-Avukat Ġenerali li ma aġixxiex meta kellu jaġixxi, u mill-Kummissarju tal-Pulizija li falla fit-tmexxija tal-Korp.
Fl-istess waqt insista li ssir ġustizzja.
Dr Delia saħaq li l-PN se jingħaqad mas-soċjetà ċivili u mal-poplu Malti u Għawdxi, u nhar il-Ħadd se jieħu sehem fid-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata mis-Civil Society Network, li qed issir fid-dawl tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn li għadda.