Assassinju DCG: Il-PM jikkunsidra joffri somma flus għal min jagħti informazzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qed jikkunsidra li joffri somma “sostanzjali” ta’ flus bħala inċentiv għall-persuna li tagħti tagħrif li jista’ jwassal biex jinqabad min kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fil-programm Dissett fuq TVM illejla, il-PM semma kif qed jevalwa din il-possibiltà mingħajr ma joħloq preċedent u sakemm dan isir fil-konfini tal-liġijiet Maltin.
Meta mistoqsi dwar il-messaġġ li tella’ fuq Facebook binha Matthew Caruana Galizia dalgħodu, il-Prim Ministru qal li kieku kien huwa li sab il-kadavru t’ommu mqatta’ biċċiet quddiemu, kien jikteb affarijiet agħar minn hekk.
Semma kif wara l-familja Caruana Galizia, bħala l-Prim Ministru tal-pajjiż huwa l-aktar persuna f’Malta li jrid jara li dan il-każ ta’ qtil jiġi riżolt biex issir ġustizzja ma’ min ippjana jew wettaq dan l-attakk.
Aċċenna li minn każijiet simili ta’ qtil ta’ ġurnalisti li ġraw barra minn Malta, kien hemm drabi fejn il-qtil sar minħabba informazzjoni li kienet għadha trid toħroġ.
Dwar is-sejħa tal-Oppożizzjoni għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali, Dr Muscat qal li jrid ifakkar li dan inħatar mill-partit li llum hemm fl-Oppożizzjoni.
Żied jgħid li għax dan il-Gvern jemmen fl-istituzzjonijiet, iddeċieda li jġedded il-fiduċja tiegħu fl-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Fl-intervista tiegħu, Dr Muscat irrefera wkoll għad-diskussjoni li saret it-Tnejn bejnu u bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Qal li din kienet xprunata mill-fatt li Delia qal li ma kellux fiduċja fil-Maġistrat Scerri Herrera u mit-talba tal-Oppożizzjoni għall-inkjesta indipendenti fejn sostna kif kien għalhekk li bħala PM, talab għal din il-laqgħa.
Il-Prim Ministru qal li huwa konxju mir-reputazzjoni ta’ Malta u kien għalhekk li mar jiffaċċja lill-midja internazzjonali dwar dan il-qtil u ma marx jistaħba.
Kien hawnhekk li appella dwar il-bżonn li jkun hemm għaqda nazzjonali f’dan il-mument partikolari, irrispettivament minn dak li tgħid l-Oppożizzjoni.
Meta mistoqsi dwar l-inkjesta Egrant, il-Prim Ministru qal li jrid li din tingħalaq kemm jista’ jkun malajr iżda qed iħalli lill-Qorti fil-libertà li tiddeċiedi biex ikun magħruf is-sewwa.
Qal li xorta baqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu li jirriżenja minnufiħ jekk ikun hemm prova dwaru jew dwar martu b’rabta mal-kumpanija Egrant.