Assassinju DCG: “Il-partiti politiċi żergħu l-mibegħda li wasslet għall-qtil ta’ Daphne”

L-Organizzazzjoni Non-Governattiva Aditus stqarret li kienu l-partiti politiċi li żergħu ż-żrieragħ tal-mibegħda li wasslu għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-fundazzjoni qalet li mhux biss dawk involuti direttament fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huma ħatja tal-qtil tagħha, iżda nqatlet anke mill-kultura ta’ diviżjoni, partiġġjaniżmu u opportuniżmu li ħakmu Gvernijiet u Parlamenti Maltin suċċessivi.
Hija kkundannat lill-Gvern talli ma ħax azzjoni mill-ewwel meta l-ġurnalista bdiet tiġi mhedda u attakkata minħabba l-kitba tagħha.
Hija spjegat li dan kien minħabba li l-istituzzjoni tal-pajjiż bdew jiddgħifu meta l-pozzijonijiet pubbliċi bdew jingħataw lil persuni ta’ ġewwa, u dan wassal lill-istess istituzzjonijiet biex jitilfu l-awtonomija li kellhom bżonn bi jaqdu dmirhom sew.  
L-Aditus ikkritikat ukoll lis-sistema edukattiva, li minflok tgħallem lill-istudenti dwar il-valuri u l-ħila tal-ħsieb kritiku li għandu jkollu individwu, tħaddan il-konformità.
Fid-dawl ta’ dan, Aditus ikkonfermat li se tattendi d-dimostrazzjoni nazzjonali t’għada fil-Belt Valletta sabiex tippromwovi l-valuri tad-drittijiet tal-bniedem li hija tħaddan, u tgħin biex jingħelbu dawn il-kwalitajiet koroh li wasslu għat-telfien tal-ħelsien u s-sigurtà ta’ poplu sħiħ. 
Organizzazzjoni mhux governattiva oħra, il-Bicycling Advocacy Group (BAG), esprimiet il-kondoljanzi tagħha lid-dinja tal-ġurnaliżmu wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia, u ħabbret li ma ħarġitx stqarrijiet għall-istampa f’dawn l-aħħar jiem bħala sinjal ta’ rispett. 

Ritratt: Ian Noel Pace