Assassinju Daphne: Il-Gvern ma jridx jiddiskuti – PN; Il-ġustizzja mhux bid-diskors – PL

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu biex ma jiddiskutix il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bil-Partit Laburista jwieġeb li “l-poplu jaf li l-ġustizzja ma ssirx bid-diskors u l-attakk fuq l-istituzzjonijiet”.
Waqt is-seduta tal-bieraħ, inqala’ pandemonju sħiħ meta ma ntlaqgħetx mill-Ispeaker, it-talba tal-Oppożizzjoni li saret mill-Kap Adrian Delia biex ikunu diskussi t-talbiet  tas-Soċjetà Ċivili.
Il-pandemonju fil-Parlament issokta b’botta u risposta llum mill-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija, il-PN sostna li llum il-Gvern iddikjara li għalih, it-talbiet tas-soċjetà ċivili mhumiex ta’ importanza nazzjonali, u llum deputati tal-Gvern ippruvaw jimmanipulaw il-minuti tas-seduta tal-bieraħ bil-għan li ma jkunux jirriflettu l-pożizzjoni li ħa l-Gvern.
Il-PN fisser kif dan ma seħħx biss minħabba l-insistenza tal-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius.
Saħaq li l-Prim Ministru messu jieħu eżempju mill-Parlament Ewropew, li fi kliemu, qed ikun ta’ spalla mal-poplu Malti u Għawdxi, f’dan il-mument diffiċli.
Fi stqarrija b’reazzjoni, il-PL iffoka fuq l-elezzjonijiet interni tal-PN, u insista li l-partit qed juża l-qtil brutali ta’ ġurnalista biex jilagħbu logħob partiġjan.
S’issa għad m’hemm l-ebda indikazzjoni meta se jiġu diskussi fil-Parlament it-talbiet tas-soċjetà ċivili, jiġifieri r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll biex min isir flokhom jintgħażel b’żewġ terżi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.