Assassinju DCG: Il-Financial Times tħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabbilità

Il-Financial Times ingħaqdet mal-midja internazzjonali li fl-aħħar jiem ikkundannaw l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u ħeġġet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jerfa’ r-responsabbilità għall-klima li nħolqot f’Malta u li wasslet għall-qtil brutali ta’ ġurnalista.
Fost affarijiet oħra, f’artiklu twil u studjat sewwa, il-Financial Times takkuża lill-Gvern Malti li ħoloq "klima ta' impunità."
Jgħid li l-Gvern għamilha faċli għal kumpaniji barranin biex jirreġistraw għal sussidji u jħallsu rati baxxi ta’ taxxa u tikkritika wkoll l-iskema taċ-Ċittadinanza b’investiment, li fi kliemha, il-Gvern Malti daħħal minkejja l-kritika qawwija mill-Unjoni Ewropea.
Il-Financial Times qalet li dan kollu rriżulta f’ekonomija bbażżata fuq persuni sinjuri barranin u li l-awtoritajiet Maltin “għandhom ftit inċentiv li jimponu fuqhom standards iebsa ta’ trasparenza.”
Tqabbel l-assassinju ta' DCG ma' dawk fir-Russja
L-artiklu jfakkar lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista li ma beżgħet qatt tikxef il-korruzzjoni u jfaħħarha għall-irwol tagħha fil-kxif tal-iskandlu ta’ Panama Papers.
Jisħaq ukoll li l-investigazzjonijiet tagħha dwar ir-rabta bejn il-qraba tal-President tal-Azerbaijan u tal-Prim Ministru Muscat waslu lill-Gvern Malti biex isejjaħ elezzjoni sena qabel iż-żmien
Il-Financial Times tiddeskrivi l-assassinju bħala attakk fuq il-qalba tal-Ewropa u l-valuri li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea, fosthom il-libertà tal-espressjoni u s-saltna tad-dritt.
L-artiklu jsemmi ġurnalisti oħra li nqatlu, fosthom dawk ta’ Charlie Hebdo fi Frar tal-2015 iżda jinsisti li dawn inqatlu minn militanti fundamentalisti u gruppi terroristiċi u jisħaq li għalhekk l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa differenti u jqabblu ma’ assassinji fl-Unjoni Sovjetika u iżjed tard ir-Russja.
Fost dawn isemmi l-qtil brutali tal-ġurnalist Pavel Sheremet mill-Bellarusssja li kien assassinat is-sena li għaddiet.
"Is-Saltna tad-dritt f'Malta hija mhedda"
L-artiklu jagħmilha ċara li mhux qed jinsinwa li l-awtoritajiet Maltin kapaċi jqabbdu lil xi ħadd kriminal biex joqtol lill-avversarji iżda fl-istess nifs jisħaq li s-saltna tad-dritt f’Malta hija mhedda.
Isemmi għadd ta’ karozzi bomba li seħħew f’Malta fl-aħħar xhur u jisħaq li l-awtoritajiet Maltin iridu jieħdu passi illum qabel għada u juru li reati simili mhux se jgħaddu qisu xejn mhu xejn.
Il-Financial Times ittemm bil-kliem ta’ Matthew Caruana Galizia li akkuża lill-Gvern Malti li ħoloq “kultura ta’ impunità” u jisħaq li l-prijorità ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea hija li jinstab il-ħati u ssir ġustizzja.
“L-aqwa mod kif nistgħu nsellmu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia huwa billi noħolqu ambjent li fih attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, it-trasparenza u s-saltna tad-dritt ma noħolmux bihom.”