Assassinju DCG: “Għalissa kull possibilità hija miftuħa” – Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, kien intervistat mill-istazzjon Franċiż France 24 dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u qal li “għalissa kull possibilità hija miftuħa."
Huwa qal dan meta l-ġurnalista Caroline de Camaret staqsietu dwar il-possibilità li kien hemm il-Mafja involuta f’dan l-assassinju.
Alfred Sant qal li ma jeskludi xejn.
“Il-ħasil tal-flus isir kullimkien, fl-Iżvizzera, f’Pariġi, u kullimkien. Mhux Malta biss hija marbuta mal-ħasil tal-flus,” qal Alfred Sant waqt li saħaq li jekk ngħidu li dan ir-reat huwa relatat mal-ħasil tal-flus inkunu qed ngħaġġlu wisq.
L-Ewroparlamentari qal li dan il-qtil jista’ jkun reat politiku daqs kemm jista’ jkun reat kummerċjali għax fi kliemu, Daphne Caruana Galizia kienet se tniedi investigazzjonijiet dwar drogi u traffikar ta’ persuni.
“Imma jista’ jkun ukoll reat ta’ vendetta,” kompla Sant.
Iddeskriva lil Caruana Galizia bħala personalità popolari ħafna fil-ġurnaliżmu u li fi kliemu wettqet kemm investigazzjonijiet tajba u oħrajn li fi kliemu ma sarux bir-reqqa. Fakkar ukoll li fl-aħħar xhur ikkritikat lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Għamlet ħafna għedewwa, imma f’kull soċjetà hemm bżonn nies bħalha li jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol,” saħaq Dr Sant.
Temm jgħid li s-soċjeta` Maltija hija magħuda b’għan wieħed li jinstab minn qatilha u faħħar l-inizjatti li ħa l-Gvern Malti.