​Assassinju DCG: “Falliment tal-Istat, il-gvern u l-istituzzjonijiet”- Louis Galea

L-eks-awditur fil-Qorti Ewropea, Dr Louis Galea qal li l-assassinju krudili tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa falliment tal-Istat, il-gvern tiegħu u l-istituzzjonijiet.
F’messaġġ twil fuq Facebook, Dr Galea jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet u jgħid li Daphne Caruana Galizia “kellha tkun protetta b’mod professjonali, minkejja d-diffikultajiet għall-awtoritajiet, minħabba l-personalità involuta.”  
Filwaqt li jispjega li “lkoll ixxukjati u nħossuna mitlufa,” u “l-familja b’mod ġenerali u Malta in ġenerali, qatt mhu se jkollhom lil Daphne lura” Dr Galea jistaqsi jekk dan il-qtil brutali setax jiġi evitat. Jistaqsi xi protezzjoni tatha l-pulizija. Jgħid li kienet każ klassiku ta’ persuna li kellha bżonn il-protezzjoni tal-Istat.
Dr Galea jgħid li l-protezzjoni ta’ persuna f’riskju hi fl-interess pubbliku u s-saltna tal-liġi u l-ordni. Jgħid li l-awtoritajiet kellhom l-obbligu jipprovdu din is-sigurtà u fl-istess ħin jiggarantulha l-libertà kollha biex teżerċita l-professjoni tagħha b’rispett sħiħ lejn id-dritt għall-espressjoni.
Kompla li l-assassinju ta’ waħda mill-aktar ġurnalisti importanti, viżibbli u bla biża’ jikkonferma għalfejn hu essenzjali u urġenti li jkun assigurat li l-istituzzjonijiet ikunu professjonali u kompletament indipendenti u imparzjali fil-qadi ta’ dmirijiethom. Qal li dan għandu jkun b’mod partikolari fil-protezzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin, qabel xejn id-dritt għall-ħajja u s-sigurtà personali, u d-dritt sagru li persuna tesprimi ruħha b’mod liberu, dritt li ftit li xejn kien imħares f’dan il-każ.