Assassinju DCG: Bedingfield jitlob azzjoni dwar pulizija ieħor

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield saħaq li għandu jkun investigat uffiċjal ieħor tal-Pulizija li tefa’ kummenti fuq Facebook wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Filwaqt li kkundanna l-kummenti tas-Surġent Ramon Mifsud, fil-Parlament Bedingfield ikkwota post ta’ uffiċjal ieħor fil-Korp li allega fuq Facebook li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia nħadem “bizzilla.”
Fuq dan il-post, l-uffiċjal staqsa jekk kienx kumbinazzjoni li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera kienet il-Maġistrat tal-Għassa dakinhar li twettaq l-assassinju.
Huwa poġġa dan il-post fuq il-Mejda tal-Kamra u insista li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni għandu jappella għal kulħadd u mhux għal min jidhrilha biss l-Oppożizzjoni.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu hu kkundanna l-assassinju minkejja li fi kliemu hu u Daphne kemm-il darba użaw il-kitba biex jikkritikaw lil xulxin.
Qal ukoll li tal-mistħija kif Adrian Delia u Simon Busuttil qed jippruvaw jużaw dan l-assassinju għal vantaġġ politiku.