Assassinju DCG: “Agħmel ġustizzja” – In-Nazzjonijiet Magħquda lill-Gvern

Esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda qed jisħqu li l-Gvern Malti għandu jonora dak li wiegħed: investigazzjoni indipendenti u immedjata li tissarraf li ssir ġustizzja ma’ dawk wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, esperti tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda qalu li  għandha ssir ġustizzja ma’ dawk li wettqu dan l-att brutali, filwaqt li jiġu protetti l-ġurnalisti.
Ikkundannaw il-qtil ta’ Caruana Galizia, li ddeskrivewha bħala waħda mill-aktar ġurnalisti investigattivi prominenti, li opponiet bil-qawwa l-korruzzjoni pubblika.  
Fi kliemhom, DCG kienet ġurnalista determinata, li tiżvela allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni serja minn uffiċjali għolja fi ħdan il-Gvern Malti. Semmew fost l-oħrajn l-irwol tagħha fil-kxif tal-Panama Papers u l-politiċi Maltin involuti f’din il-korruzzjoni.
“It-telfa tagħha tagħti daqqa ta’ ħarta lill-ġurnaliżmu investigattiv, mhux biss f’Malta, imma anke bħala simbolu globali tas-saħħa tar-rappurtaġġ fl-interess tal-pubbliku”, komplew jgħidu.
L-esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda qalu li tajjeb li bdiet l-investigazzjoni, imma enfasizzaw li tkun effiċjenti u segwita minn proċess ġudizzjarju komplut.
Żiedu jgħidu li t-tħassib tal-familja Caruana Galizia dwar l-indipendenza tal-maġistrat inkwerenti għandhom jittieħdu bis-serjetà.
Saħqu li l-Gvern għandu jagħmel iktar milli jinvestiga, u jalloka riżorsi biex jipproteġi lill-ġurnalisti u attivisti, b’mod partikolari dawk kritiċi għall-Gvern, uffiċjali u politiċi.
Ritratt: Ian Noel Pace