Assassinju Daphne: Żvelati l-ismijiet tas-7 arrestati l-oħra

Ġiet magħrufa l-identità tas-seba’ persuni l-oħra li ġew arrestati nhar it-Tnejn li għadda b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Is-sit Taljan Il Messaggiero ppubblika dawn l-ismijiet tal-arrestati, li lbieraħ il-Pulizija qalet li ngħataw il-ħelsien mill-arrest:  Miguel Caruana, Sandro Cilia, Jamie Vella, Anton Cachia, Rudy Camilleri, Robert Agius u Adrian Agius. Dawn l-ismijiet ġew ikkonfermati indipendentament mis-sit Lovin’ Malta.
Adrian Agius deher mhux darba fil-blogg tal-ġurnalista.
Fost l-oħrajn, Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li Agius kien parti minn għaqda kriminali li ġġib il-laħam illegalment mill-Brażil, liema għaqda allegatament kienet tuża flus mislufa lilhom mhux iddikjarati minn negozjanti li kienu qed jevadu t-taxxa.
Dawn in-negozjanti lura fl-2014, kienu qed ifittxu lil Agius għall-flus li sellifhom, iżda ma sabuhx.
Fil-blogg tagħha Caruana Galizia kienet irrappurtat li fiċ-ċirku kriminali ta’ Agius kien hemm ukoll Ryan Schembri, is-sieħeb tiegħu fin-negozju.
Schembri li kien is-sid ta’ More Supermarkets ħarab minn Malta minħabba n-nies li kienu qed jiġru warajh għal flushom
Il-ġurnalista assassinata kienet kitbet ukoll li missier Agius, Raymond Agius li familtu mlaqqma “Ta’ Maksar”, kien dak l-istess persuna li fl-2008 kien inqatel b’tir dirett f’rasu fil-Butterfly Bar f’Birkirkara.
Anki s-sieħeb fin-negozju illegali ta’ Agius, u traffikant tad-droga, Terence Gialanze, sab postu fil-blogg tal-ġurnalista, meta kitbet li dan għosfor fl-2012 wara li qal lil familtu li kien ħiereġ jistad.
Sadanittant, f’tiftixa li Newsbook.com.mt għamel fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, ma nstab xejn dwar is-sitt arrestati l-oħra.
Lanqas ma sab l-ismijiet tat-tliet akkużati lil lbieraħ tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-qtil: Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat. 
Corinne Vella, oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qalet li oħtha ma kienet qed tinvestiga lil ebda wieħed mill-persuni li ġew arrestati nhar it-Tnejn li għadda b’rabta mal-assassinju tagħha.
Ritratt: Ian Noel Pace