Filmat: Assassinju Daphne: “Ma jidhirx li hemm politiċi involuti”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li fl-aħħar sigħat ta struzzjonijiet biex jiżdiedu “b’mod konsiderevoli” r-riżorsi sabiex tiġi konkluża l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Dr Muscat qal li sa issa m’għandu l-ebda indikazzjoni li jista’ jkun hemm xi politiku involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija li ta lill-ġurnalisti dalgħodu, il-Prim Ministru kien qed jirreaġġixxi wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu ġie arrestat Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black.

Arrestat Yorgen Fenech

“Għandi bżonn iktar informazzjoni”

Mistoqsi dwar x’azzjoni se jieħu fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri minħabba r-rabtiet li għandhom ma’ Yorgen Fenech, Muscat qal li ma jistax iwieġeb għalissa għax għandu bżonn aktar informazzjoni, u li jekk jitkellem ikun qed jikkomprometti l-każ. Dwar il-maħfra presidenzjali stqarr li għadu ma ngħatax parir, jekk dan għandux jingħata.

“Sinjal li l-istituzzjonijiet u l-ġustizzja jaħdmu”

Dr Muscat żied jgħid li din hija konferma oħra li l-istituzzjonijiet u l-ġustizzja f’Malta jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Appella lill-ġurnalisti biex ikunu prudenti, anke fis-sigħat u fil-jiem li ġejjin, “minkejja li nirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-istampa”. Stqarr li lbieraħ ġie mġiegħel jagħmel stqarrija, li fi kliemu setgħet swiet ta’ twissija għal xi persuni. Qal iżda, li kieku ma tax struzzjonijiet ilbieraħ filgħaxija, dalgħodu l-istituzzjonijiet m’għamlux dak li kellhom jagħmlu u li kieku l-pajjiż qed jitkellem fuq persuna jew persuni li setgħu ħarbu mill-pajjiż.

“Irrid inneħħi ż-żrar miż-żarbun”

Il-Prim Ministru stqarr li ilu sentejn iżomm ġo fih u ma jgħidx ċertu affarijiet, imma li se jkun qed jistenna l-ħin u l-mument biex jgħidhom, għax irid “ineħħi ż-żrar miż-żarbun”. Madanakollu, “kull kelma li ngħid mhux se tgħin biex jingħalaq il-każ b’suċċess”. Insista li kliem żejjed li jingħad f’dan il-punt jista’ jwassal biex persuna jew persuni jaħarbu mill-pajjiż.

Filmat: Miguela Xuereb