​Assassinju Daphne: Min huma l-aħwa Degiorgio?

L-aħwa Degiorgio li huma fost l-10 persuni li dalgħodu nqabdu mill-Pulizija fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huma magħrufa sew mal-Pulizija. Kemm George, imlaqqam iċ-Ċiniż kif ukoll Alfred imlaqqam il-Fulu, kisru difrejhom mal-liġi aktar minn darba.
Din id-darba huma suspettati li kienu parti minn grupp akbar li kien jiltaqa’ f’binja fl-inħawi magħrufa bħala Ras il-Ħanżir fil-Marsa sabiex jikkomplottaw il-qtil ta’ Caruana Galizia.
“Iċ-Ċiniż"  kien ġie akkużat fil-Qorti b’pussess illegali ta’ armi, drogi u għodda oħra.
“Il-Fulu” kien wieħed mill-akkużati fil-każ tas-serqa li saret fis-sena 2000 minn vann tal-Group 4 f’Santa Venera, wara li nstabu l-marki tas-swaba’ tiegħu fuq il-flus misruqa. Il-parti l-kbira tal-flus instabu taħt saqqu f’binja fi Triq San Ġorġ f’Birżebbuġa.
F’Ottubru tal-2016, “Il-Fulu” u l-akkużat l-ieħor f’dan il-każ ma nstabux ħatja mill-Qorti.
L-aħwa Degiorgio ssemmew ukoll fil-każ li kien sar kontra l-Avukat David Gatt li kien tkeċċa minn spettur tal-pulizija fuq suspetti li kellu rabtiet mal-kriminalità. Isem Gatt kien ħareġ fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar is-serqa msemmija hawn fuq minn vann tal-Group 4. Il-Qorti ma kinitx aċċettat traskrizzjoni ta’ telefonati bejn Gatt u persuni suspettati, peress li dawn it-telefonati ma kinux awtorizzati.
F’Diċembru tal-2010, Gatt kien tressaq il-Qorti akkużat li kien il-moħħ wara serqiet kbar fosthom dik fuq il-vann tal-Group 4 u mill-fergħa tal-HSBC f’Ħal Balzan. Huwa kien ġie illiberat mill-Qorti f’Jannar li għadda.
Waqt ix-xhieda fil-Qorti, il-pulizija Jonathan Agius kien qal li sema' li Gatt kien heddu għax għamel tfittxija fil-karrozza ta’ George Degiorgio, "Iċ-Ċiniż". Huwa qal li ra liċ-"Ċiniż" f’karozza meta kien qed jagħmel ir-ronda fil-Marsa. Meta resaq lejha biex jagħmel it-tfittxija, wasal fuq il-post ħuh Alfred "il-Fulu". Ma rriżulta xejn mit-tfitxija li kienet saret fil-karrozza.
Aktar kmieni llum fuq WhatsApp u midja soċjali oħra bdew iduru għadd ta’ ritratti ta’ nies, li skont il-messaġġ kienu ġew arrestati mill-Pulizija. L-aħwa Degiorgio kienu f’din il-lista. Iżda sorsi qrib il-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li mhux żgur hemm ieħor li kien fil-lista u li nġabar mill-Pulizija. Uħud minn dawk fil-lista ġieli użaw is-servizzi professjonali tal-Avukat David Gatt.