Daphne: X’kitbet dwar il-Maġistrati?

Minkejja li dalgħodu mistenni jsir tentattiv ieħor biex tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ħafna huma xettiċi x’se jiġri dwar il-każ.
Dan minħabba, li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit se tkun it-tielet Maġistrat li ngħatat il-każ u sakemm jibda s-smigħ tal-kumpilazzjoni, jibqa’ d-dubju dwar jekk ikunx hemm xi talba biex ma tismax il-każ.
Is-seduta bdiet fl-10.30am.
Ilbieraħ l-Maġistrat Charmaine Galea ma aċċettatx li tisma’ l-każ minħabba li kienet l-avukata f’każ ta’ libell kontra Caruana Galizia. Il-Ħamis li għadda, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba tad-difiża u rrifjutat il-każ minħabba li sal-1983 kienet l-iskola ma’ oħt il-vittmau minn dakinhar kellhom kuntatt biss biex jgħaddu awguri u kondoljanzi.
Mill-ġdid illum hemm stennija dwar x’se jiġri mill-kumpilazzjoni, u jekk Dr Claire Stafrace Zammit, fl-aħħar mill-aħħar, tispiċċax tisma’ l-kumpilazzjoni. Dr Stafrace Zammit kienet approvata bħala Maġistrat fl-2009. Fil-blogg ta’ Caruana Galizia hi ssemmiet darba biss, f’Jannar tal-2012, meta għamlet biss referenza għal artiklu ppubblikat fit-Times, li kien jgħid li l-Maġistrat qalet li mhux se tittollera mġiba inaċċettabbli minn Dr Franco Debono, li ċemplilha meta kienet qed tippresiedi seduta. 
Imma min jista’ jintgħażel jekk is-smigħ ma jsirx mill-Maġistrat Stafrace Zammmit?
B’kollox għall-Qrati ta’ Malta u Għawdex hawn 22 Maġistrat, b’Dr Paul Coppini limitat għal Għawdex biss u l-Maġistrati Monica Vella u Gabriella Vella jippresiedu każi ċivili biss. Dr Donatella Frendo Dimech u Charmaine Galea rrikużaw ruħhom.
Minn 22 jibqa’ 16:  Aaron Bugeja, Doreen Clarke, Neville Camilleri, Audrey Demicoli, Josette Demicoli, Francesco Depasquale, Caroline Farrugia Frendo, Ian Farrugia, Marse-Anne Farrugia, Natasha Galea Sciberras, Grazio Mercieca, Yana Micallef Stafrace, Joe Mifsud, Consuelo Scerri Herrera, Anthony Vella u Joanne Vella Cuschieri.
X’kitbet Daphne fuq dawn il-Maġistrati?

Il-Maġistrat Aaron Bugeja

F’Ġunju 2013, Daphne kitbet li waħda mill-prijoritajiet fuq l-aġenda ta’ Gvern Laburista kienu l-ħatriet tar-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi bħala Imħallef u l-ħatra tal-eksdeputatmexxej Laburista Toni Abela bħala Maġistrat. Kitbet li tliet xhur wara, inħatar Maġistrat Aaron Bugeja, li skont il-ġurnalista miżżewweġ lil kuġina ta’ Marlene Farrugia.
F’Lulju 2014, Il-Maġistrat Bugeja ssemma fil-blogg ta’ Daphne wara li ħa azzjoni fuq ilment mill-kamp tal-kaċċaturi. Fi kliemha, huwa ordna lill-Pulizija tinvestiga lill-membri tal-Birdlife dwar “pussess illegali ta’ tajr protett” meta, skontha, kellu jitlob investigazzjoni fuq qtil tat-tajr protett.  Meta kienet qed twieġeb mistoqsija minn qarrej tagħha, Daphne qalet li Bugeja kien wieħed mill-maħtura “tal-Gvern Tagħna lkoll” flimkien mas-sieħba legali ta’ Toni Abela, Charmaine Galea.
Dan ikompli fil-fil tal-ħsieb tal-ġurnalista f’Novembru 2016, meta ssemma fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista. Skont Daphne, Bugeja mhux parti mill-10 li “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.
F’April 2017, Daphne ssemmi f’iktar minn artiklu wieħed lill-Maġistrat Aaron Bugeja b’rabta mal-każ ta’ inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama, li ġie allegat li hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Joseph Muscat dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. Kienet qalet li kien ikun aħjar, kieku l-maġistrat tal-każ ma kienx wieħed li nħatar minn Muscat riċentament.
F’Ġunju 2017, isem il-Maġistrat Bugeja baqa’ popolari fil-bloggs ta’ Daphne. Kitbet li kellu jipposponi għal darboħra kawżi oħra, biex ikun jista’ jiffoka fuq l-inkjesta dwar Egrant. 
Fl-istess xahar, il-ġurnalista tikteb dwar kif id-Deputat Reġistratur għall-Maġistrat Bugeja, Doris Serpina, tellgħet ritratti fuq Facebook tiċċelebra fir-rebħa elettorali tal-Partit Laburista.
Il-ġurnalista tikteb kif Dr Godwin Caruana mill-MITA, li nħatar bħala espert tal-qorti mill-Maġistrat Bugeja fil-każ Egrant, tefa’ r-riżenja tiegħu, wara li minn Chief Technology Officer ingħata kariga f’livell aktar baxx.
F’Awwissu 2017, l-aħħar darba li Daphne semmiet lill-Maġistrat Bugeja, mill-ġdid dwar il-każ Egrant.

Il-Maġistrat Neville Camilleri 

F’Marzu 2013, il-ġurnalista assassinata semmiet lill-Maġistrat Neville Camilleri għax quddiemu deher ħu kandidat tal-Partit Laburista, dwar theddid u vjolenza minħabba opinjoni politika.  
Neville Camilleri huwa l-Maġistrat li dehru quddiemu t-tliet irġiel akkużati bl-assassinju ta’ Daphne, meta tressqu b’arrest il-Qorti aktar kmieni dan ix-xahar.

Il-Maġistrat Doreen Clarke
Issemmiet darba biss, f’Diċembru tal-2008, dwar li kienet qed tmexxi inkjesta dwar sparatura fis-Siġġiewi. 

Il-Maġistrat Audrey Demicoli
Semmietha darba biss. F’Lulju 2010, faħħritha dwar kif imxiet fil-każ ta’ Pierre Bartolo, direttur ta’ kumpanija , li kien għamillu rapport mal-Pulizija Anġlu Farrugia, dak iż-żmien deputatmexxej tal-Partit Laburista, minħabba allegat xiri ta’ voti fl-elezzjoni tal-2008. Dakinhar Daphne qalet li l-Maġistrat Demicoli poġġiet il-liġi u l-ġustizzja qabel l-interessi tagħha għall-fatt li qatgħet sentenza kontra Farrugia, bil-konsegwenza li ma tavvanzax fil-livelli tal-Qorti.  Żiedet tgħid li mhux il-Maġistrati kollha jagħmlu bħalha, u li probabbli jippruvaw iżommu lil Farrugia kuntent.

Il-Maġistrat Josette Demicoli

F’Settembru 2012, Daphne semmiet lil Dr Demicoli bħala l-Maġistrat li kienet qed tisma’ l-każ ta’ Dr Joseph Grech, li rriżenja mill-kariga ta’ Ċermen tal-kumpanija Gozo Channel, wara li ordna li l-vapur idur lura għalih, u li wara dan applika għall-kariga ta’ Kap Eżekuttiv mal-istess kumpanija.
F’Ġunju 2017, semmiet lil Dr Josette Demicoli bħala l-Maġistrat li qed tmexxi l-inkjesta dwar ħlasijiet bejn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u Adrian Hillman, li kien id-direttur maniġerjali tat-Times.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale

F’Lulju 2012,  il-Maġistrat Depasquale ssemma mill-ġurnalista għax inħatar biex jisma’ l-każ ta’ libell kontra d-Deputat Laburista Joe Mizzi u l-editur ta’ One News, fuq ilment tal-eksambaxxatur għall-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana.
F’Ottubru 2014, Daphne tikkwota lill-Maġistrat jgħid li jemmen li l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit kien ripetutament jevita li l-editur tal-gazzetta Kullħadd jidher quddiem il-Qorti f’każ kriminali, li kien ilu lli beda 13-il sena.  Irrapportat li Dr Depasquale sab lil Zammit ħati b’diżrispett lejn il-Qorti u mmultah €300. Bagħat ukoll digriet lill-Ministru tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Manuel Mallia, li qal li hu “responsabbli politikament għall-imġiba tal-Kummissarju.
Il-ġurnalista semmiet ukoll kif l-istess Maġistrat ta multa ta’ €600 lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Peter Paul Zammit, minħabba diżrispett lejn il-Qorti, għax l-uffiċjali tiegħu naqsu milli jidhru għal smigħ ta’ każi ta’ libellli.
F’Jannary 2017, Daphne fakkret kif il-każi ta’ libelli li kienu qed jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera spiċċaw f’ħoġor Francesco Depasquale. Fi kliemha dan wara blogg tagħha, fejn semmiet kif il-Maġistrat kienet ta’ spiss toħroġ tiekol ma’ politiċi u ġurnalisti. Skont Daphne kien il-Prim Imħallef ta’ dakinhar Vincent Degaetano, li ħadilha lista ta’ libelli mir-responsabbiltà tagħha.
Fi Frar 2017, il-ġurnalilsta qalet li tissuspetta li l-awtoritajiet iridu jneħħu l-każi ta’ libelli mill-Qorti tal-Maġistrati, u f’dan il-każ minn idejn Francesco Depasquale, u jagħtuhom lura lill-Qorti tal-Imħallfin, fejn kienu jinstemgħu oriġinarjament. Fi kliem Daphne, dan biex jibqgħu jkaxkru s-snin.

Il-Maġistrat Ian Farrugia
Minn tfittxija li għamel Newsbook.com.mt fuq il-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Maġistrat Ian Farrugia ma ssemma qatt. 

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia

Fi Frar 2010, Daphne ppubblikat ittra li Dr Marse-Ann Farrugia, dak iż-żmien assistenta ġudizzjarja fl-Uffiċċju tal-Prim Imħallef, bagħtet lill-ġurnal Malta Today u li ġiet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.  L-ittra ċaħdet li Daphne Caruana Galizia talbet lill-Prim Imħallef biex il-Maġistrat Consuelo Scerri-Herrera titneħħa minn żewġ każi ta’ libelli li kienet involuta fihom hi.
F’Settembru 2011, fi blogg dwar dak li kien qal Dr Josè Herrera, li hu ma jidhirx għall-klijenti tiegħu f’każi li tkun qed tippresiedi oħtu l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera. Daphne Caruana Galizia semmiet każ ippresedut mill-Maġistrat Farrugia, fejn Josè Herrera deher għall-akkużat li ġimgħa qabel ingħata multa minn oħtu, il-Maġistrat Scerri Herrera.
F’Ottubru 2013, il-Maġistrat issemmiet biss f’riproduzzjoni ta’ Stqarrija maħruġa minn avukat, li ssemmi li l-Maġistrat Marseann Farrugia appuntat għall-għada s-smigħ tar-rikors li Norman Vella ppreżenta bħala talba biex jiġu rilaxxati l-mowbajl u t-tablet tiegħu li ġew ikkonfiskati mill-Pulizija. 
F’Awwissu 2017,  Daphne qalet li l-Maġistrat Farrugia rrifjutat talba ta’ Adrian Delia, illum Kap tal-Partit Nazzjonalista, biex il-Qorti tiftaħ sabiex hu jiftaħ libell kontriha.  Kitbet li rrifjutat it-talba fil-5am.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo
Issemmiet fil-blogg ta’ Daphne tliet darbiet.
Fi Frar 2016,  il-ġurnalista kitbet kif Franco Debono, bħala l-President tal-Kummissjoni għal-Liġijiet, beda jikkummenta fuq artikli, b’insulti lejn il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi “għax għażel lil Ingrid Zammit Young u Caroline Farrugia Frendo biex ikunu Maġistrati”. Caruana Galizia tgħid li l-oġġezzjonijiet ta’ Debono ma kinux ibbażati fuq korruzzjoni, nepotiżmu jew nuqqas ta’ meritokrazija, imma għax il-Ministru kellu jkun jaf li hemm ostakli kostituzzjonali.
Dwar Dr Farrugia Frendo, Daphne kitbet li l-ismijiet tal-membri tal-ġudikatura ntgħażlu mill-kabinett immexxi mill-Prim Ministru, li fi kliemha huwa ovvju li kien hu li għażel lil bint Anġlu Farrugia, minħabba obbligazzjonijiet lejh.
F’Lulju 2016, Daphne kitbet li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia u bintu Caroline Farrugia Frendo, li fi kliemha nħatret Maġistrat b’mod korrott, kienu l-festa tal-Bidnija, fejn tgħix.
Qalet li l-Maġistrat il-ġdid qagħdet bilqiegħda waħedha, waqt li missierha beda jdur min-naħa għall-oħra jsellem nies li ma jafx.  Fissret kif in-nies li kien hemm baqgħu skantati, “għax l-Ispeaker m’għadux fis-suq tal-voti”.
F’Novembru 2016, reġgħet semmietha fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, u li 10 minnhom, fosthom hi, “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras

Issemmiet darba biss, f’Novembru 2013, meta żewġ gwardjani tal-ħabs tressqu quddiemha wara li nstabu pożittivi għad-droga. L-artiklu ta’ Daphne kien kritika għal Dr Franco Debono u mhux għall-Maġistrat.
 
Il-Maġistrat Grazio Mercieca
Fil-blogg tagħha, Daphne semmietu tliet darbiet.
F’Mejju tal-2010, meta bħala Ċerpersin tal-Kumitat Reġjonali tal-Partit Laburista kien wieħed mill-firmatarji ta’ stqarrija li ddeplorat l-hekk imsejjaħ ‘mod degradanti u viljakk li bih membri tal-Gvern ippruvaw joskraw lid-deputat parlamentari laburista Għawdxija Justyne Caruana’.
F’Novembru tal-2016, ippubblikat ritratt meħud f’restorant f’Marslaforn, li juri lil Dr Grazio Mercieca mal-Imħallef Wenzu Mintoff (għal żmien twil editur tal-gazzetta Kullħadd tal-Partit Laburista), Toni Abela (deputatmexxej tal-PL għal żmien twil u li ssostittwixxa lil Mintoff bħala editur). L-artiklu ġie ppubblikat ġurnata qabel ma’ Abela u Mercieca nħatru Imħallef u Maġistrat rispettivament.
Daphne Caruana Galizia kienet iddeskriviet lil Grazio Mercieca bħala kandidat tal-Partit Laburista li ma rnexxiex, u Chief of Staff tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
F’Novembru 2016, semmietu wkoll fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, u li 10 minnhom, fosthom hu, “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace

Issemmiet fil-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia, darba biss, f’Lulju 2013.  Dakinhar il-ġurnalista staqsiet jekk bħala eksavukat tal-ġurnal L-Orizzont, hix se tisma’ każi fejn il-General Workers’ Union, l-unjin li toħroġ il-gazzetta, tkun waħda mill-partijiet.

Il-Maġistrat Joe Mifsud

F’Ġunju 2012, isem Joe Mifsud jissemma f’każ ta’ żewġ kaċċaturi li ntbagħtu l-ħabs wara li xaħħmu pulizija. L-avukat difensur ta’ wieħed mill-kaċċaturi kien Dr Mifsud.
F’Settembru 2012, Daphne kitbet kif Joseph Muscat iltaqa’ ma’ Joe Mifsud, biex jerġa’ lura fil-qalba tal-Partit Laburista.
F’Ottubru 2013, il-ġurnalista ssemmi kif Joe Mifsud, kien parti minn delegazzjoni tal-Prim Ministru f’Iżrael.
F’Mejju 2015,  issemmih flimkien ma’ membri oħra tal-ġudikatura li nħatru minn Gvern Laburista.  Tirreferi għalih bħala ġurnalist tas-Super One għal diversi snin, l-ekssegretarju internazzjonali tal-Partit Laburista u ekseditur tal-gazzetta tal-Partit Laburista.
F’Mejju tal-2015, il-ġurnalista tippubblika stqarrija mill-Kamra tal-Avukati, dwar il-ħatriet ta’ żewġ imħallfin u żewġ maġistrati (Monica Vella u Joe Mifsud).  Fl-istqarrija, il-Kamra tesprimi tħassib dwar kif saru dawn il-ħatriet mill-Gvern, mingħajr ma ta kas ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello.
F’Ottubru 2015, terġa’ ssemmi lill-Maġistrat ma’ membri oħra tal-ġudikatura.
F’Novembru 2016, semmietu wkoll fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, u li 10 minnhom, fosthom hu, “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.
F’Novembru 2016, Daphne tirreferi għal diskussjoni fuq ir-radju fejn saret referenza fost l-oħrajn għall-Maġistrat Mifsud, u qalet li dawn il-ħatriet huma “korrotti u mhumiex tollerati f’soċjetà ġusta u demokratika, speċjalment jekk huma ħatriet fis-sistema ġudizzjarja.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera

Daphne Caruana Galizia kemm-il darba kitbet b’mod negattiv dwar il-ħajja personali tal-Maġistrat, li skont il-ġurnalista kienu qed itellfu mir-reputazzjoni tagħha bħala Maġistrat. Kienet ukoll tippubblika diversi ritratti tal-Maġistrat, fost l-oħrajn waqt parties.
Fost id-drabi li ssemmiet kien hemm:
F’Ottubru 2010, f’wieħed mill-artikli tagħha, kitbet li l-Prim Imħallef ordna t-tneħħija ta’ 21 każ dwar politiċi Maltin minn taħt idejn Dr Consuelo Scerri Herrera u tahom lil Maġistrat ieħor. Kienet allegat dwar atteġġjament skandaluż tal-Maġistrat fil-konfront tal-imputati u d-difiża.
F’Lulju 2011, Daphne kitbet li l-Kummissarju tal-Pulizija talab li jieħu azzjoni kontra l-Maġistrat, minħabba ġurament falz.
F’Settembru 2011, il-ġurnalista tikteb dwar każ fejn l-imputat quddiem il-Maġistrat kien klijent ta’ ħuha, Josè Herrera.
F’Jannar 2017, Caruana Galizia tgħid li l-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura ma laqax in-nominazzjoni ta’ Scerri Herrera biex tinħatar Imħallef, “minħabba mġiba fil-ħajja personali tagħha”.
F’Jannar 2017, tirrapporta kif il-Maġistrat kważi ħabtet bil-karozza għax kienet qed tuża l-mowbajl.
F’Marzu 2017, Daphne ssemmi kif il-karozza tal-Maġistrat tajret mara meta kienet qed tirriversja.
 
Il-Maġistrat Anthony Vella
F’Mejju 2008, semmietu dwar il-każ ta’ Nicholas Azzopardi, li allegatament miet wara li laqqat xebgħa mill-Pulizija. Il-Maġistrat Vella mexxa l-inkjesta Maġisterjali .
F’Diċembru 2012, il-ġurnalista semmiet lill-Maġistrat li ppresieda l-każ tal-allegat tixħim ta’ flus minn Silvio Zammit, ekskanvażer tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.
F’Lulju 2009, mill-ġdid għax ippresieda każ, din id-darba dwar feriment ta’ mara wara li l-akkużat saq fuqha bil-karozza.
F’Mejju 2015, semmiet kif il-Maġistrat Anthony Vella ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Bastjan Dalli, ħu John Dalli, dakinhar Ministru tal-Finanzi, li allegatament xtara impjant tal-konkrit mingħand Joe Gaffarena, u bi ftehim klandestin, il-konsorzju Skanska-Devlands-Blokrete kien jixtri l-konkrit mingħand ħu Dalli.

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri

F’Jannar 2012, Daphne kitbet li l-avukat tal-General Workers’ Union Joanne Vella Cuschieri kienet waħda mill-kandidati laburisti għall-elezzjoni tal-2013.  Fakkret li waqt il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista Dr Vella Cuschieri kienet temmet id-diskors tagħha bil-kliem Viva l-Labour.
F’Marzu 2014 qalet li l-Gvern ħatar lil Joanne Vella Cuschieri bħala maġistrat ġdid. F’Novembru 2014 xandret il-filmat ta’ Vella Cuschieri tgħid Viva l-Labour, biex tfakkar f’dak li kienet qalet il-Maġistrat.
F’Diċembru 2014, Caruana Galizia ippubblikat ritratti tal-Maġistrat Vella Cuschieri ma’ ħuha, li qalet li hu magħruf mal-Pulizija. Issemmi wkoll kif Vella Cuschieri kienet ħabiba mill-qrib tal-Ministru Owen Bonnici, b’mart il-Ministru tallega li din kienet ‘iktar minn hekk’.  F’Jannar 2016, reġgħet ippubblikat ritratti tal-Maġistrat ma’ ħuha.
F’April 2015, Daphne semmiet lill-Maġistrat darbtejn, b’rabta ma’ sentenza fejn sabet raġel ħati li abbuża psikoloġikament lil bintu u ordnatu jħallas €83,000 f’kumpens.
F’Mejju 2015, il-ġurnalista staqsiet kif tista’ l-ġustizzja tidher li qed issir, jekk ir-raġel tal-eksministru Nazzjonalista Giovanna Debono, tressaq il-Qorti quddiem ekskandidata Laburista.
F’Mejju 2015, semmiet lill-Maġistrat Vella Cuschieri bħala waħda minn dawk maħtura fuq il-bank tal-ġudikatura minn Gvern Laburista. Rapport simili deher ukoll f’Ottubru 2015.
F’Novembru 2016, semmietha wkoll fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, u li 10 minnhom, fosthom hi, “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.
F’Jannar 2017, Daphne kitbet li rat lill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri tieħu kafè fi grupp, fejn kien hemm ukoll il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.