Assassinju Daphne: X’inhi s-soluzzjoni għal Malta?

Policeman looks on the remains of Daphne's car
Policeman looks on the remains of Daphne's car

Read in English.

Il-Psikologu Soċjali Prof. Maryanne Lauri qalet li Malta għandha bżonn is-serħan dwar il-kwistjoni tal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Dan qalitu waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103. Spjegat li dan is-serħan (“closure”) jippermetti lill-pajjiż biex jibda proċess ta’ fejqan u jitlaq mill-animosità tbaqbaq li hemm.

Sentejn wara l-assassinju, Prof. Lauri osservat li l-pajjiż huwa maqsum fi tliet fazzjonijiet: Dawk li jaħsbu li l-qtil kien atroċità u attakk fuq il-ħelsien tal-kelma, dawk li għalihom Daphne ħadet li kien ħaqqha, u dawk li ma jimpurtahomx.

Lauri temmen li l-aħħar grupp mhux qed jipparteċipa fid-dibattitu dwar il-kwistjoni. Dwar l-ewwel żewġ gruppi, Lauri qalet li għalihom Caruana Galizia u l-qtil tagħha huma important imma għal raġunijiet kompletament differenti.

Hemm soluzzjoni

Skont Lauri hemm soluzzjoni komuni għal dawk li jridu jżommu l-memorja tal-ġurnalista ħajja u dawk li jridu jeqirduha.

“Sibu l-moħħ wara l-operazzjoni sħiħa,” qalet Lauri li żiedet tgħid li dan huwa important għal reżoluzzjoni u s-serħan.

Spjegat li s-serħan huwa important għall-proċess tan-niket u li s’issa dan is-serħan ġie miċħud.

“Jekk il-moħħ jinsab u jitressaq il-qorti,” qalet Lauri, “dawk li jżommu l-mafkar tagħha ħaj ta’ kuljum iħossu li tkun saret il-ġustizzja, anke jekk il-mejtin ma jistgħux iqumu mill-mewt. Mill-banda l-oħra, għal dawk li għalihom Caruana Galizia kienet għadu ikunu jistgħu jistrieħu. It-twemmin ta’ dan l-aħħar grupp li l-ġustizzja għadha ma saritx ikunu sodisfatti u jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem.”

Din l-intervista kienet parti minn serje ta’ intervisti li qed isiru għat-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Program kommemorattiv se jixxandar fis-16 ta’ Ottubru, l-anniversarju tal-qtil. Newsbook.com.mt se jkun qed iħejji rappurtaġġ speċjali.